€600,000 għar-restawr tal-Pont Gomorino bejn l-Imtarfa u l-Imdina

Dan il-pont kien tlesta fl-1900 bħala parti mill-estensjoni għal-linji tal-ferrovija

Waqt żjara fil-lokalità tal-Imtarfa, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar li b’investiment ta’ €600,000 u b’ħidma li se titwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, se jinbeda x-xogħol għal aktar sigurtà fuq il-Pont ta’ Gomorino bejn l-Imtarfa u l-Imdina.

Il-Ministru Ian Borg qal li s-sigurtà tan-nies tibqa’ fost l-aqwa prijoritajiet għal dan il-gvern u semma li dan il-pont, li għandu anke sinjifikazzjoni storika, jirrikjedi ħidma li ssir bl-akbar reqqa u b’attenzjoni biex jingħata lin-nies fl-aqwa stat u sigurtà possibbli.

“B’portafoll ta’ proġetti li jvarjaw minn dawk komunitarji sa dawk nazzjonali bħalma hu l-Malta National Park li dalwaqt se nkunu qed ninawguraw l-Adventure Park, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikunu ta’ servizz kbir u qed iwettqu ħidma siewja madwar pajjiżna kollu. Apparti hekk dan il-pont anke jmur lura fl-istorja ta’ pajjiżna u għaldaqstant ħassejna l-ħtieġa li bħalma għamilna f’bosta interventi oħra ta’ dan it-tip, se nkunu qed inwettqu ħidma għaqlija biex b’hekk inkomplu nissalvagwardjaw dawn l-attrazzjonijiet li jagħmlu parti mill-wirt li ħallewlna missirijietna”, qal il-Ministru Borg.

Dan il-pont kien tlesta fl-1900 bħala parti mill-estensjoni għal-linji tal-ferrovija. Ix-xogħlijiet li se jsiru jinkludu r-restawr fuq il-parapett tal-pont, railings ġodda, bankina ġdida, dawl ġdid u modern, manutenzjoni ta’ siġar u arbuxelli eżistenti u se jitħawlu siġar indiġeni fl-istess akwati.

More in Politika