Il-UHM tiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-Ministeru tas-Saħħa fuq Steward Health care
'Il-Ministeru tas-Saħħa qed jonqos milli jonora l-ftehim li għamel mal-UHM'
More in Politika
'Il-Ministeru tas-Saħħa qed jonqos milli jonora l-ftehim li għamel mal-UHM'
Il-UHM Voice of the Workers irreġistrat protest ġudizzjarju quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi (FMS). Dan minħabba li, “il-Ministeru tas-Saħħa qed jonqos milli jonora l-ftehim li għamel mal-UHM fir-rigward tal-professjonisti li kienu jaħdmu ma’ Steward Healthcare u li llum ġew assorbiti mill-FMS”.
Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Ministeru tas-Saħħa kien laħaq ftehim mal-UHM fejn il-professjonisti li jaħdmu ma’ Steward Healthcare kellhom jiġu assorbiti mal-FMS u dan billi ż-żmien ta’ servizz li għamlu jaħdmu ma’ Steward Healthcare u Vitals Global Healthcare jgħoddilhom bħala snin ta’ servizz maħdum mal-FMS.
Apparti minn hekk, ġie miftiehem li dawn il-ħaddiema ser jingħataw l-arretrati ta’ dan sa mill-1 ta’ Jannar 2019. F’dan il-ftehim kien hemm ikkupjati d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, Clyde Caruana, li dak iż-żmien kien il-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.
L-UHM tgħid li, “sfortunatament, il-Ministeru tas-Saħħa mar lura minn dan il-ftehim u llum dawn il-ħaddiema ġew assorbiti fl-FMS iżda mingħajr ma żdiedulhom is-snin ta’ servizz li kellhom diġà u wisq inqas ingħataw l-arretrati imwiegħda.”
“X’sens jagħmel illi professjonisti li ħadmu spalla ma’ spalla ma’ professjonisti oħra, mal-istess pazjenti, fl-istess swali, ġew imċaħħda mill-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali u meta l-unjin fehmet li din is-sitwazzjoni se tkun sorvolata permezz tal-ftehim tat-18 ta’ Novembru 2020, li l-istess ministeru għażel li ma jonorax tali ftehim?” staqsiet l-UHM. L-unjin qalet li b’dan l-aġir il-Ministeru ħalla lil dawn l-impjegati esposti għal telf ta’ flus u benefiċċji oħra tul il-karriera tagħhom.
Għaldaqstant, il-UHM qed iżżomm lil Ministeru tas-Saħħa responsabbli legalment, infurmat lil Qorti b’dan, u ser tkun qiegħda tirriżerva d-dritt ta’ azzjonijiet ulterjuri ġaladarba l-Ministeru tas-Saħħa jippersisti bil-pożizzjoni tiegħu li ma jonorax il-ftehim.