800 oġġezzjoni kontra l-aħħar applikazzjoni għall-bini ta’ moll fil-Bajja tal-Balluta

'In-nies mhux ser jaċċettaw aktar tifrik fil-kwalità tal-ħajja f’Malta u ser ikomplu jiġġieldu kontra kull serq tal-ispazji pubbliċi

Attivisti u residenti jirreżistu għax-xogħolijiet tal-Fortina f'Ġunju 2021
Attivisti u residenti jirreżistu għax-xogħolijiet tal-Fortina f'Ġunju 2021

Il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan, dak tas-Swieqi u tmien għaqdiet esprimew ir-rabja tagħhom għall-aħħar attentat tal-Fortina "biex jisirqu l-Bajja tal-Balluta", bil-bini ta’ moll għal katamaran ta’ 33 metru, dieħel u ħiereġ mill-bajja 22 darba kuljum. L-għaqdiet li ngħaqdu kontra l-bini tal-moll huma; Din l-Art Ħelwa, Extinction Rebellion Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature's Trust Malta, Ramblers Association u Rota. 

L-applikazzjoni - PA 07251/21 – tfittex il-bini ta’ moll ikbar fuq l-istess sit ta’ applikazzjoni oħra li diġà ġiet approvata (PA 7628/19) u li attwalment qegħda tiġi kontestata mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u bosta organizzazzjonijiet oħra quddiem it-tribunal tal-ambjent (EPRT).

Fi stqarrija l-Moviment Graffitti saħqu li, "f’Ġunju ta’ din is-sena, tal-Fortina għamlu ġimgħa jippruvaw jibdew xogħol irregolari fuq il-moll fi staġun fejn xogħol bħal dan mhuwiex permess." Madanakollu l-kumpanija kellha tieħu pass lura wara r-reżistenza li wrew grupp ta’ residenti u attivisti bil-preżenza tagħhom fuq il-post.

Graffitti qalu li, "l-aħħar applikazzjoni hija prova tar-regħba bla qies ta’ ċertu kumpaniji u diżrispett assolut lejn il-politiki tal-ippjanar, il-benesseri tal-poplu u l-integrità ambjentali. Il-moll beħsiebhom jibnuh fil-parti tal-bajja fejn jgħumu n-nies, żona li skont il-Pjan Lokali, la għandha tkun għal katamaran u lanqas għall-imbark."

Insistew li l-katamaran ser ikompli jniġġes bajja diġà żgħira u jieħu post l-għum u l-attivitajiet sportivi u rikreattivi marbuta mal-bajja. Iż-żona maħnuqa b’kummerċ eċċessiv u l-kumpanija diġà ħadet biċċa kbira tal-kosta ta’ Ta' Sliema bid-dgħajjes u l-attività ta’ Captain Morgan.

Graffitti saħqu wkoll li "dan l-aħħar attentat tal-Fortina biex tkompli tespandi l-assi tagħha fil-Bajja tal-Balluta huwa att ta’ rebgħa kbira u serq sfaċċat tal-ftit spazju pubbliku li fadal fiż-żona."

L-Awtorità tal-Ippjanar rat 800 oġġezzjoni formali kontra din l-applikazzjoni l-ġdida. "Madanakollu, tal-Fortina jafu li kemm l-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll l-entitajiet tal-gvern ser jagħmlu minn kollox biex jaġevolawhom billi tul il-proċess jinjoraw il-politiki tal-ippjanar u l-inkwiet tan-nies f’dan ir-rigward. Dan rajnieh isir meta l-Kummissjoni tal-Ippjanar approvat l-ewwel applikazzjoni tal-Fortina għall-bini tal-moll," saħaq fl-istqarrija. 

L-attivisti saħqu li n-nies mhux ser jaċċettaw aktar tifrik fil-kwalità tal-ħajja f’Malta u ser ikomplu jiġġieldu kontra kull serq tal-ispazji pubbliċi għall-interessi kummerċjali u dan ser jagħmluh "b’azzjoni legali u fejn hemm bżonn anke diretta."

 

More in Politika