Is-sena 2021 bdiet fuq sieq ħażina minħabba numru ta’ restrizzjonijiet kawża ta’ żieda fil-każi ta’ Covid-19 iżda sa Ottubru li għadda kienu waslu Malta miljun turist u dan minkejja li l-awtoritajiet rrestrinġew id-dħul fil-pajjiż għal dawk it-turisti li jkunu mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19.
Sorsi mis-settur tat-turiżmu li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu li anke jekk in-numri għadhom lura ħdejn l-aħħar sena mingħajr pandemija, meta żaru Malta kważi tliet miljun turist, l-irkupru f’dan is-settur huwa wieħed tajjeb ħafna u kontinwu.
Fil-fatt, Settembru u Ottubru li għaddew kienu l-aqwa xhur sa issa għas-settur turistiku, anke għax it-tilqim kompla miexi fil-bqija tal-pajjiżi membri, b’mod partikolari f’dawk is-swieq l-aktar importanti għat-turiżmu f’Malta.
Ta’ min ifakkar ukoll li skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-Eurostat, bejn Ġunju u Awwissu, Malta rreġistrat l-ogħla żieda fl-iljieli li t-turisti qattgħu f’akkomodazzjonijiet turisti, mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Imqabbel mal-istess perjodu tal-2020, meta s-safar kien kważi wieqaf għal kollox, Malta rreġistrat żieda ta’ kważi 120%. Fil-fatt, bejn Ġunju u Awwissu 2020, it-turisti qattgħu 838,151 lejl f’Malta. Fl-istess perjodu din is-sena, l-iljieli kienu jammontaw għal 1,808,918.
L-istess sorsi saħqu li għenu ħafna skemi li tħabbru mill-Ministeru għat-Turiżmu biex iħeġġu aktar turisti jżuru Malta. Fost dawn, kienet inħarġet skema għal dawk l-assoċjazzjonijiet li jorganizzaw attivitajiet sportivi.
L-ILLUM tista’ tikkonferma li minn €1,500,000 li kienu allokati għal din l-iskema, tqassmu €1,066,100 li minnhom ibbenefikaw 34 attività f’Malta u li flimkien attiraw lejn Malta 10,661 turist.
Jidher li l-andament se jibqa’ wieħed tajjeb ukoll anke fil-ġimgħat li ġejjin, b’mod partikolari fil-ġimgħat tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Fil-fatt, l-istess sorsi saħqu li l-andament tal-bookings huwa wieħed tajjeb, b’mod partikolari fil-lukandi ta’ ħames stilel.
‘In-nies trid toħroġ u ssiefer ... id-domanda hemm qiegħda’
Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), Andrew Agius Muscat li saħaq li x-xogħol qed jiżdied u l-andament huwa wieħed tajjeb, anke jekk saħaq li bħalissa dejjem tibqa’ l-inċertezza dwar dak li qiegħed jiġri.
Madanakollu saħaq li n-nies trid toħroġ u ssiefer u għalhekk id-domanda hemm qiegħda u qed tiżdied.
Rigward il-jiem tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, Agius Muscat saħaq li l-bookings għadhom deħlin anke għax ħafna jibbukjaw, inkluż għall-parties u r-riċevimenti, f’dawn il-ġimgħat.
“Il-bookings, b’mod prudenti, jidhru tajbin. Imma f’dawn iċ-ċirkostanzi, ngħoddu l-flieles wara li jfaqqsu,” saħaq.
‘Hemm lukandi li qed imissu n-numri ta’ qabel il-pandemija’
Mistoqsi jekk hemmx lukandi li sejrin aħjar minn oħrajn, Agius Muscat insista li jiddependi mil-lukandi u anke mit-tip ta’ turisti li l-aktar huma importanti għalihom.
Saħaq li hemm lukandi li saħansitra qed imissu n-numri li kellhom qabel il-pandemija imma hemm oħrajn li għadhom ftit lura.
Fakkar ukoll li l-fatt li r-rata ta’ tilqim f’Malta hija waħda tajba ħafna u fost l-aqwa fid-dinja, qed tgħin ħafna għax tagħmel lil Malta aktar attraenti għat-turisti li jixtiequ jsiefru u jagħmlu dan b’serħan il-moħħ.