Intervista | 'B'din il-liġi se nkunu qed nagħtu l-akbar daqqa lit-traffikant'

Imma l-Gvern vera qed jinnormalizza l-użu tal-kannabis? Imma la għaqdiet bħall-Caritas kontra, għaliex xorta qed iressaq din il-liġi? It-tfal se jibqgħu protetti? U mhux diġà hemm il-Liġi li ressaq hu stess fl-2015? L-ILLUM tintervista lill-Ministru Owen Bonnici... 

Owen Bonnici - Ritratt: James Bianchi
Owen Bonnici - Ritratt: James Bianchi

Wara li din il-gazzetta ppreżentat il-mistoqsijiet tagħha dwar is-suġġett tal-Kannabis lid-Deputat Claudette Buttigieg (ara paġni 12 u 13), kien imiss li nippreżentaw lill-Ministru Owen Bonnici - li qed jmexxi din il-Liġi 'l quddiem -  l-argumenti u t-tħassib tal-Oppożizzjoni dwar is-suġġett u naraw kif iwieġeb.  

Din il-gazzetta bdiet bl-argument popolari tan-normalizzazzjoni. L-Oppożizzjoni qed takkuża lill-Gvern li qed idaħħal liġi li l-messaġġ sottili tagħha jista' jkun li "ma jimpurtax li tieħu l-kannabis". Daqslikieku l-Gvern qed idaħħal il-kultura tat-teħid tad-droga. Bosta ġenituri jisħqu li b'din il-Liġi l-Gvern "qed jipprova jeqred liż-żgħażagħ bid-droga minflok iħeġġiġhom jibqgħu 'l bogħod minnha." Kif iwieġeb għal dawn l-akkużi Bonnici?  

Hu jibda billi jinsisti li din hija "miżura b'saħħitha ta' harm reduction" li permezz tagħha n-nies ma jibqgħux ikunu kriminalizzati u jkollhom kuntest regolarizzat minn fejn ikunu jistgħu jużaw il-Kannabis. "Din il-miżura qed issir fl-interess tagħhom, l-ewwel u qabel kollox," sostna l-Ministru.  

Huwa qal illi dan kollu qed isir, fl-istess waqt li qed isiru u se jkomplu jsiru kampanji ta' prevenzjoni biex in-nies ikunu mħeġġin jagħmlu l-aħjar għażliet fi-ħajja. "Imma jekk hemm adult  - u tajjeb li nitrattaw lin-nies ta' adulti - li jixtieq jagħmel użu mill-kannabis għandu jkollu għażla legali u sigura li jagħmel dan," saħaq Bonnici.  

Intant għall-kritika tal-innormalizzar tad-droga, Bonnici staqsa x'inhi l-alternattiva għal-Liġi li qed iressaq il-Gvern. "Jekk kollox jibqa' kif inhu jibqgħu jkunu kriminalizzati n-nies u min jixtri jibqa' f'kuntatt mal-kriminali u ma' min jitraffika, li jkun hu imbagħad li jirregola." 

Bonnici fakkar li traffikant la se joqgħod jagħti kas hux se jbigħ lil tifel u lanqas jekk il-persuna li qed tixtri hix vulnerabbli.  

'Imbilli b'pussess sempliċi ta' 3.5 grammi ta' kannabis ma titlax il-Qorti ma jfissirx li solvejt il-kwistjoni tal-fornitura' 

Imma l-gazzetta ILLUM twaqqfu hemmhekk u tfakkru li fl-2015 il-Gvern diġà għadda liġi sabiex id-droga tkun dikriminalizzata, u allura ħadd ma għadu jmur il-ħabs fuq pussess sempliċi. Mela għalfejn qed jibqa' jgħid li grazzi għal din il-liġi l-kannabis ma tibqax kriminalizzata f'ammonti speċifiċi, la diġà hekk hi?  

Il-Ministru jgħid illi fl-2015, li ġara kien illi fuq pussess sempliċi ta' ammonti żgħar ta' droga, minflok persuna tmur quddiem il-Qorti, tmur quddiem Tribunal. Huwa qal iżda li l-liġi tal-2015 trid tittieħed fl-iskedar mill-ġdid tal-Kannabis mill-Ġnus Magħquda, fid-dawl tal-fatt li jgħid illi hemm esperjenzi ta' suċċess ta' harm reduction barra minn pajjiżna u anke għaliex jispjega illi bil-liġi tal-2015 ma ssolvitx il-problema tal-fornitura.  

"Imbilli b'pussess sempliċi ta' 3.5 grammi ta' kannabis ma titlax il-Qorti ma jfissirx li solvejt il-kwistjoni tal-fornitura, għax dawk it-3.5 grammi minn ximkien xtrajthom jew inkella kabbart il-pjanta int id-dar, li hija illegali. Għalhekk b'din il-Liġi rridu nagħtu l-akbar daqqa possibbli lit-traffikanti," sostna l-Ministru Owen Bonnici.  

Imur lura fuq il-kwistjoni tal-iskedar mill-Ġnus Magħquda - li jfakkar illi hija l-akbar awtorità f'dak li jitratta drogi - u jgħid li din minn Skeda nru. 4 poġġiet il-kannabis fi Skeda 2. Hu qal li din ma tfissirx li l-kannabis hija legali, imma li ma għadhiex titqies fl-istess livell ta' drogi bħall-Kokaina u l-Eroina. Minflok, tpoġġiet ma' sustanzi oħrajn li jista' jkollhom benefiċċji, bħall-Kannabis Medika.  

'Illum it-tfal huma f'riskju akbar, mhux b'din il-Liġi' 

Kritika oħra li qed issir hija dwar il-pjanti li jitkabbru d-dar u kif se jkun assigurat il-benesseri tat-tfal - li jkunu d-dar - ladarba ħadd ma għandu kontroll ta' x'jiġri wara l-ħitan tad-dar! Allura mhux probabbilità li se jiżdied ir-riskju għat-tfal?  

Bonnici jibda billi jikkwota kif kien wieġeb il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau dwar it-tfal, meta l-Kanada kienet fil-proċess li tillegalizza l-kannabis. "Dakinhar kien wieġeb illi t-tfal ma kinux protetti meta ma kinitx legalizzata l-Kannabis, għax it-traffikant jiġi jaqa' u jqum mill-persuna li lilha qed ibigħ."  

Bonnici sostna illi b'dak li qed jipproponi l-Gvern se jkun hemm sistema kkontrollata ta' kannabis li tingħata biss lill-adulti, filwaqt li jgħid illi hemm multi qawwijin ħafna għal dawk li jpejpu quddiem it-tfal.  

Idur imbagħad fuq il-pjanti u jfakkar li kuntrarjment għall-perċezzjoni l-pjanta tal-kannabis ma tkabbarhiex fil-bitħa qisek qed tkabbar xi zunnarija. "Imma huwa proċess diffiċli għax trid tieħu ħsiebhom ħafna, irid ikollhom ċerta dawl u ċerta tempertaura u allura tħallihom magħluqin u msakkrin," qal Bonnici.  

Minkejja dan huwa sostna li ma għandux dubju li l-ġenituri responsabbli, hekk kif ma jħallux xorb f'idejn uliedhom minuri, mhux se jħallu kannabis.  

 

'Fl-2015 ukoll ħafna ma qablux mad-dekriminalizzazzjoni ... illum ħafna jfaħħru dik il-Liġi' 

Kritika li qed issir hija li hu ma ppubblikax is-sottomissjonijiet li ġew mal-Liġi, filwaqt li l-PN qed ifakkar li l-għaqdiet kollha li b'xi mod jew ieħor jitrattaw l-abbuż mis-sustanzi kollha huma kontra dan il-pass. Il-gazzetta tfakkru li 22 għaqda esprimew ruħhom ukoll kontra din il-liġi.  

Il-Ministru jibda billi jgħid li ma għandu ebda problema jippubblika sommarju tas-sottomissjonijiet, imma saħaq illi li jkun hemm Kappillan li joħroġ opinjoni ma tagħmlux għaqda.  

"Jiena għandi rispett kbir lejn il-Knisja imma jekk tanalizza dawn it-22 issib li huma kollha marbutin mal-Knisja u sar eżerċizzju biex jidhru ħafna. Jiġifieri ejja nżommu l-affarijiet f'perspettiva," jappella l-Ministru Bonnici.  

Imma l-gazzetta tfakkru li l-Caritas tagħmel xogħol enormi f'dan il-qasam u żgur li ma għandhiex skopijiet politiċi meta tikkritika.  

Bonnici jwieġeb billi jgħid illi mal-Caritas kellu laqgħa tajba ħafna li fiha "qbilna li mhux se naqblu." Hu jfakkar iżda li fl-2015 - meta kienet se tiddaħħal il-Liġi tad-Dikriminalizzazzjoni - ukoll il-Caritas ma qablitx, minkejja li jfakkar illi llum kulħadd jaqbel li din kienet Liġi tajba, li "kulħadd ifaħħar." 

"Niftakar illi jumejn qabel bdiet tiġi diskussa dik il-Liġi mort għall-Gradwazzjoni tal-Caritas u dakinhar ħlief kritika fuq dik ir-riforma ma smajtx. U nifhem li meta jsiru dawn it-tip ta' bidliet tkun trid numru ta' snin biex tinduna li ċerta biża' ma timmaterjalizzax."  

'Lanqas għandi dubju...' 

Huwa qal li fl-ebda mument il-Gvern mhu qed iħeġġeġ lin-nies biex jixtru l-kannabis, pero' qed joħloq ambjent sigur u legali għal dawk li jixtiequ "f'eżerċizzju ta' harm reduction." 

 Imma hu jara li se jiġri l-istess bħal-liġi tal-2015; kritika għalissa u wara tiġi aċċettata? 

"Lanqas għandi dubju, għax se jkollna ambjent regolarizzat immexxi minn nies kompetenti, filwaqt li se nkomplu b'kampanja ta' prevenzjoni," qal il-Ministru li fakkar illi l-Gvern għadu kif għadda madwar miljun ewro oħrajn lill-FSWS sabiex tkompli tqawwi l-kampanja ta' prevenzjoni. "Nistieden lill-gazzetta u lill-qarrejja li jqabblu s-servizzi li kienu jingħataw qabel u dawk li qed jingħataw issa u tinduna li lanqas paragun ma hemm." 

'Il-kampanja ta' prevenzjoni mhix kontro-piż għal-Liġi' 

F'paġni 12 u 13 Buttigieg tistaqsi jekk dawn il-miljun ewro humiex il-prezz li se nħallsu għal din il-liġi.  

"Le, le, le....bir-rispett kollu imma naħseb li Buttigieg ma fehmet xejn," jibda jgħid Bonnici.  

Huwa jgħid li l-Gvern jemmen fil-Harm Reduction permezz ta' rotta legali u sigura għal min irid jagħmel użu mill-kannabis u fl-istess ħin kampanja ta' prevenzjoni, li jisħaq illi taħdem mal-liġi u mhux kontra l-ispirtu tagħha.  

"Per eżempju qabel l-FSWS kienu limitati għall-avvenimenti ta' għarfien sporadiċi fil-Year Three tal-iskejjel, illum il-programm qed jilħaq l-iskejjel kollha tal-primarja, ħloqna programm ta' għarfien fost tfal tal-ħames sena u anke Form 2 u issa beħsiebna ninfiltraw b'kampanja qawwija ta' prevenzjoni fil-Post-Sekondarja u anke l-Università," spjega Bonnici.  

Huwa qal ukoll li l-programm SAFE ssaħħaħ bil-qawwi u qed jilħaq għexieren ta' nies.  

"Dan mhux kontro-piż għar-riforma, imma parti mill-ħidma ta' harm-reduction. Aħna nħeġġu lin-nies jagħmlu għażliet oħrajn," sostna l-Ministru mal-ILLUM.  

'Jiena nixtieq inkun naf x'riċerka għamel il-PN biex wasal għall-konklużjoni li wasal għaliha' 

Il-gazzetta tistaqsi dwar l-imsieħba soċjali. Għaliex il-Gvern għadu ma ressaqx studju ta' impatt soċjali lill-imsieħba soċjali?  

Bonnici jibda billi jsemmi l-kritika tal-PN fir-rigward tar-riċerka u jgħid li kuntrarjament għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni hemm ħafna riċerka hekk kif hemm ħafna pajjiżi li adottaw is-sistema ta' harm-reduction f'dan il-qasam.  

"Jiena nixtieq inkun naf x'riċerka għamel il-PN biex wasal għall-konklużjoni li wasal għaliha," qal Bonnici li fakkar illi minkejja li dan kien waqqaf tim ta' tmienja minn nies biex joħorġu b'pożizzjoni, dawn spiċċaw "lanqas biss qablu bejniethom."  

Huwa jfakkar li fl-Istati Uniti hemm 18-il stat li wettqu din is-sistema kif hemm pajjiżi fl-Ewropa li adottaw din it-tip ta' leġiżlazzjoni jew inkella li legalizzaw il-kannabis.  

U xi jgħid dwar l-inkwiet li għandhom ċerti impjegaturi dwar l-użu tal-kannabis fuq il-post tax-xogħol?  

Bonnici jgħid li ma hemmx wisq differenza mil-lum u jgħid li meta kellu laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem kien fakkarhom li diġà għandhom impjegati li jpejpu llum.  

"Issa jekk hemm min qed jagħmel użu minn testijiet tad-droga fuq ħaddiema, dawn jistgħu jibqgħu jsiru."  

'Wasal iż-żmien li nieqfu nsawtu lin-nies' 

U finalment l-argument li jsir huwa, ladarba Malta diġà għandha problema ta' żgħażagħ jew nies li qed jixorbu żżejjed u anke aċċess faċli għad-drogi, ma jħossx li din il-Liġi sempliċiment se żżid il-problemi? Għalfejn qed tressqu din il-liġi la hawn dawn il-problemi?  

"Għax wasal iż-żmien li nieqfu nsawtu lin-nies u nġiegħlu lin-nies jidħlu fil-kriminalità u jispiċċaw fi proċessi kriminali għax kabbru pjanta jew kellhom joint," jgħid Bonnici. Huwa jfakkar f'koppja li kienet arrestata nhar Jum San Valentinu meta nqabdu jpejpu f'kamra f'lukanda.  

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici jtemm l-intervista jfakkar li bħalissa hemm diskussjoni dwar legalizzazzjoni fil-Ġermanja waqt li anke fl-Istati Uniti Chuck Schumer abbozza liġi għall-pajjiż kollu biex l-Istati Uniti tiċċaqlaq fuq din il-materja u jgħid li anke hawn qed jissemma' l-kunċett tal-harm reduction.

More in Politika