Filmat | Malta tintlaqat minn maltempata kbira ... Diversi żoni taħt l-ilma

Qed isir ukoll avviż mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex isiru telefonati fuq in-numru 112 f’każijiet tal-ikbar emerġenza

Ir-ragħad, maltemp, u xita li ħakmu lill-gżejjer Maltin aktar kmieni dalgħodu għerqu diversi lokalitajiet fosthom l-Imsida u l-Mosta. Qarrejja tal-ILLUM irrapurtaw diversi għargħar f’bosta inħawi u bagħtulna wkoll diversi filmati.

Il-maltempata bdiet kmieni dalgħodu u baqgħet għaddejja sa ftit qabel nofsinhar. S'issa kellna ħalbiet tax-xita jew tas-silġ bir-ragħad, bil-buffuri tar-riħ mistennija jkomplu li f'xi waqtiet jolqtu nħawi tal-Gżejjer Maltin. Intant skont it-tbassir għas-sebat ijiem li ġejjin, it-temp se jibqa' msaħħab u b'ħalbiet tax-xita flimkien ma' riħ qawwi sa nhar it-Tlieta ħlief għada. Intant it-temperaturi mistennijin jinżlu wkoll minn 21 grad celcius, għada, għal 16 il-grad celcius fil-bidu tal-ġimgħa ddieħla.

'Bħalissa r-riżorsi tal-Protezzjoni Ċivili huma ffukati fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ' - Emanuel Pisani

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qiegħed jappella għall-kawtela fid-dawl tal-maltemp qawwi li bħalissa qed jaħkem il-gżejjer Maltin.

Għaldaqstant, il-Protezzjoni Ċivili qed tappella biex wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu bla bżonn u jiġu evitati postijiet fejn jaħkem il-baħar jew jgħaddi l-ilma, pereżempju widien. Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-forza tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-lant tax-xogħol ġiet irduppjata sabiex tlaħħaq mas-sejħiet li qegħdin isirulha. Ir-rapporti jindikaw li din hi waħda mill-agħar maltempati f’ħafna żmien. 

Id-Direttur Ġenerali, Emanuel Psaila, spjega li bħalissa r-riżorsi tal-Protezzjoni Ċivili huma ffukati fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ, għalhekk appella lill-pubbliku sabiex iċemplu fuq in-numru 112 f’każijiet tal-ikbar emerġenza. Filwaqt li sostna li ma hemmx lok għall-paniku, is-Sur Psaila spjega kif operazzjonijiet oħrajn, fosthom għajnuna biex jiġu kkontrollati għargħar, se jibqgħu għaddejjin. Madankollu, il-prijorità tad-Dipartiment tkun dejjem każijiet fejn jista’ jkun hemm ħajja f’periklu.

More in Politika