Wara Sajf mill-aktar qalil kien imiss Ħarifa qalila wkoll, din id-darba iżda fl-ammont ta' xita li għamlet u li għadha qed tagħmel. Fil-fatt mill-1 ta' Settembru sal-25 ta' Novembru - skont l-Uffiċċju Metereoloġiku - kienu diġà niżlu 351.2 mm ta' xita, meta mill-25 ta' Settembru 2020 sal-31 ta' Awwissu 2021 kienu għamlu medja ta' 400 mm ta' xita. Ta' min wieħed jinnota li l-ħarifa u x-xitwa 2020/2021 - minkejja li matulhom xorta kien hemm maltempati, kienu pjuttost xotti bi Frar, tinżel ftit li xejn xita - altru milli fawwar il-bjar!
Interssanti li sa issa, mill-1 ta' Settembru l-aktar li għamlet xita kien fit-tramuntana ta' Malta (Selmun) fejn niżlet 406.2 mm filwaqt li f'Għawdex (Xewkija u Xaghra) niżlet 412 mm ta' xita. Minn naħa l-oħra fil-Belt Valletta niżlet 250 mm ta' xita, sa mill-bidu ta' Settembru. FĦal Luqa għamlet 394 mm, fl-Imsida 332 mm, f'Bengħisa (Birżebbuġa) 329 mm u f'Ħad Dingli niżlet 272 mm.
Intant ix-xita li niżlet ilbieraħ (sa nofsiljel) kienet tammonta għal kważi medja normali ta' Novermbru kollu, tant li għamlet 66.7 mm, meta l-medja hija ta' 90 mm. Mill-ġdid kien f'Selmun l-aktar li niżlet xita b'total ta' 109.2 mm, filwaqt li l-inqas li għamlet kien f'Bengħisa fejn niżlet inqas minn terz dak li għamel fit-tramuntana, b'total ta' 34.6 mm.