Il-Partit Nazzjonalista mhu qed jeskludi ebda azzjoni fil-konfront tal-Ispeaker - lanqas bojkott tal-Parlament - hekk kif l-Oppożizzjoni tqis li minkejja qbil fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, iċ-ċanfira li l-Parlament ta lid-Deputat Rosianne Cutajar ma kienet ċanfira xejn imma sempliċiment ġiet infurmata x'ġara u ma ġarax fil-Kumitat u kif dan wasal għal deċiżjoni fil-konfront tagħha.
Din iċ-ċanfira kellha tkun fuq flus minn senserija - madwar €9,000 li Cutajar tgħid li ngħatawlha bħala rigal - li hi ma ddikjaratx fl-assi tagħha. Is-senserija kienet għal proprjetà fl-Imdina li kien se jixtri Yorgen Fenech, wara li kien sar magħruf li huwa sid 17 Black, bil-konvenju jaqa' mal-arrest tiegħu.
Karol Aquilina - membru tal-Kumitat immexxi mill-Ispeaker - kien iddeksiva din l-ittra bħala xhieda "ta' falliment istituzzjonali."
L-affarijiet iżda tgħaqdu aktar hekk kif Matthew Caruana Galizia bagħat ittra skjaċċanti li fiha lmenta dwar id-deċiżjoni tal-Ispeaker fuq Cutajar, b'Caruana Galizia jakkuża lill-Ispeaker illi għamel sforz "straordinarju" biex "jiddefendi Deputat li aċċettat tixħim... tixħim imħallas mill-persuna suspettat u issa akkużat bil-qtil ta' ommi."
L-Ispeaker wieġeb lura bil-qawwi b'ittra ffirmata mill-avukat Ian Refalo li fiha qal li Caruana Galizia għandu jinforma ruħu qabel jagħmel ċerti allegazzjonijiet.
Huwa qal ukoll li fl-interess "tad-demokrazija u l-Gvern Malti elett demokratikament l-Ispeaker beħsiebu jkomplu jwettaq dmiru skont il-Liġi."
Fid-dawl ta' dan jidher li l-PN jinsab lest biex jagħmel pressjoni qawwija fuq l-Ispeaker tant li fi stqarrija nhar il-Ġimgħa huwa ddeskriva l-ittra lil Caruana Galizia bħala waħda "għal kollox inaċċettabbli f’soċjetà demokratika" u wissa li sakemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia "jibqa' jagħżel l-interessi tal-Gvern Laburista u mhux tal-pajjiż, kontra l-ġurament li ħa hu stess lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, Malta ma tista’ qatt taqbad it-triq għal riforma tant meħtieġa għat-tisħiħ tad-demokrazija."
Il-gazzetta ILLUM intant staqsiet lill-Kelliem tal-PN x'passi oltrè iżda beħsiebha tieħu l-Oppożizzjoni u jekk hix lesta li tieħu azzjoni kontra l-Ispeaker, jew inkella ttela' mozzjoni ta' sfiduċja fih jew inkella hix lesta saħansitra tagħmel bojkott tal-Parlament jekk hi tħoss il-bżonn.
Iżda r-risposta għal darba, tnejn kienet li "l-PN mhu jeskludi xejn."
Sorsi differenti mill-PN sostnew iżda li fil-jiem li ġejjin - jekk l-Ispeaker ma jiħux hu stess il-passi neċessarji kontra Rosianne Cutajar - se jkun qiegħed jieħu passi neċesarji fil-konfront ta' Farrugia.
Intant għada t-Tnejn l-għaqda Repubblika sejħet protesta sabiex Cutajar u Farrugia jirreżenjaw, protesta li għaliha l-PN mistenni li jattendi.