Mhuwiex minnu li reġgħu twaqqfu l-purċissjonijiet bil-Bambin
Il-Kurja tisħaq li kull parroċċa qed tevalwa s-sitwazzjoni u tara jekk il-purċissjoni 'tistax issir fir-realtà tagħha'
More in Politika
Il-Kurja tisħaq li kull parroċċa qed tevalwa s-sitwazzjoni u tara jekk il-purċissjoni 'tistax issir fir-realtà tagħha'
Kemm l-awtoritajiet tas-saħħa u anke l-Kurja tal-Arċisqof ikkonfermaw mas-sit illum.com.mt li fl-aħħar ħin ma kien hemm l-ebda bidla fid-direzzjoni dwar il-purċissjonijiet bil-Bambin.
Rapporti u kummenti fuq il-midja soċjali qed jisħqu li l-purċissjonijiet bil-Bambin reġgħu mhux se jsiru u dan wara li fl-aħħar ġimgħat ingħata l-permess biex dawn jiġu organizzati skont il-protokolli preżenti li qed jintużaw ukoll għal attivitajiet oħra, inkluż dawk kulturali.
Madanakollu, f'kummenti ma' dan is-sit, il-Professur Charmaine Gauci saħqet li min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa ma kien hemm l-ebda bidla fid-direzzjoni jew inkella xi direttiva ġdida.
L-ILLUM għamlet ukoll kuntatt mal-Kurja tal-Arċisqof bil-kelliema wkoll tikkonferma li ma kien hemm l-ebda direttiva ġdida biex ma jsirux dawn il-purċissjonijiet.
"Kull parroċċa qed tevalwa s-sitwazzjoni u tara jekk il-purċissjoni tistax issir fir-realtà tagħha. Il-parroċċi li se jagħmlu l-purċissjoni qed japplikaw mal-awtoritajiet ikkonċernati u jistennew li jinħarġilhom il-permess," insistiet il-Kurja.
Il-gazzetta ILLUM hija infurmata li hemm parroċċi li din is-sena ħadu f'idhom l-organizzazzjoni ta' dawn il-purċissjonijiet hekk kif jidher li min-naħa tas-Soċjetà tal-Mużew, li normalment torganizza dawn il-purċissjonijiet, ittieħdet id-deċizjoni biex ma jsirux, anke għax hemm wisq direttivi u protokolli x'wieħed isegwi.
Din is-sena, il-purċissjoni tal-Bambin, li beda l-qaddis Malti San Ġorġ Preca se tagħlaq 100 sena.