'Illimitaw l-attivitajiet fil-magħluq u mhux timponu l-maskra kullimkien' - Il-patoloġisti jappellaw

Il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti saħaq li inqas minn 1% tal-infezzjonijiet tal-Covid-19 jittieħdu minn attivitajiet fuq barra u apparti minn hekk, biex persuna tieħu l-virus, trid tkun ġiet esposta għalih għal tul ta’ ħin

Il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti insista li r-restrizzjonijiet u l-miżuri imposti biex tkun ikkontrollata l-pandemija għandhom ikunu bbażati fuq l-evidenza xjentifika u xejn aktar.

Insistew li inqas minn 1% tal-infezzjonijiet tal-Covid-19 jittieħdu minn attivitajiet fuq barra u apparti minn hekk, biex persuna tieħu l-virus, trid tkun ġiet esposta għalih għal tul ta’ ħin.

Għalhekk insistew li l-attenzjoni għandha tingħata fuq l-attivitajiet li jsiru fuq ġewwa u fil-magħluq u għalhekk, il-patoloġisti appellaw li huma l-ġemgħat fuq ġewwa li għandhom jiġu kkontrollati.

Fil-fatt, il-patoloġisti saħqu li ma jagħmilx sens li l-ilbies tal-maskri jkun impost fuq barra, f’kull sitwazzjoni.

Saħqu li l-ilbies tal-maskri fuq barra għandu jkun limitat biss għal dawk l-attivitajiet li jkunu se jiġbru ammont ta’ nies flimkien u anke meta jkun se jkun hemm ħafna taħlit ta’ nies.

“Jekk tkun qed timxi waħdek jew inkella ma xi ħadd li jgħix miegħek u f’distanza minn persuni oħra, mhux se jżid ir-riskju ta’ trasmissjoni,” insista l-Kulleġġ. 

Filwaqt li l-patoloġisti faħħru lil Malta għall-amministrazzjoni tal-vaċċin, appellaw ukoll lill-awtoritajiet tas-saħħa biex bl-istess mod, jibbażaw kwalunkwe restrizzjoni fuq l-evidenza xjentifika anke biex dawn ikunu jagħmlu sens u jkunu aċċettati mill-pubbliku inġenerali. 

More in Politika