291 każ ġdid f'Malta hekk kif l-Ewropa kollha tintlaqat mill-mewġa 'Omicron'

L-Olanda fost l-aħħar minn elenku ta' pajjiżi li mistennija tħabbar restrizzjonijiet ġodda għall-Milied...

Il-varjant tal-Omicron qed iwassal għall-ħames mewġa
Il-varjant tal-Omicron qed iwassal għall-ħames mewġa

Il-varjant Omicron qed jiżdied b'qawwa liema bħalha madwar l-Ewropa, inkluż f'Malta fejn fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati 291 każ, filwaqt li fiequ 100 persuna, biex b'kollox il-każi attivi issa huma ta' 1,791. Il-każi fl-Isptarijiet baqgħu stabbli, għalkemm żdiedu xi ftit, 22 b'kollox li minnhom tlieta biss jinsabu l-ITU.

Intant l-Ewropa bħalissa tinsab maqbuda f'dik li bosta mexxejja ewropej qed jiddeskrivu bħala 'l-ħames mewġa tal-Covid-19' bir-Renju Unit jirreġistra rekords ġodda u l-Prim Ministru Ingliż iwissi kontra din il-mewġa ta' każi kkawżati mill-varjant Omicron, li jaf l-oriġini tiegħu fl-Afrika ta' Isfel.  Fl-14 ta' Diċembru, fir-Renju Unit, ġew irreġistrati 58,870 każ u 149 mewt, l-għada ġew irreġistrati 78,158 każ u 165 mewt filwaqt li fis-16 ta' Diċembru ġew reġistrati 88,195 każ ġdid ta' Omicron u 146 mewt. Fl-aħħar sigħat in-numri fir-Renju Unit komplew telgħin għal rekord ta' 93,045 każ ġdid reġistrati nhar il-Ġimgħa. 

Intant jidher li l-Gvern Ingliż qed jevalwa l-possibilità ta' lockdown wara l-Milied, li jdum ġimagħtejn u li jwaqqaf kemm jista' jkun mit-trażmissjoni tal-Covid-19. 

Anke fi Franza il-varjant qed jiżdied sew u se jkun qed isir il-varjant dominanti sal-bidu tas-sena d-dieħla, wissa l-Prim Ministru Franċiż Jean Castex. Franza għadha kif imponiet restrizzjonijiet stretti fuq dawk kollha deħlin fil-pajjiż mir-Renju Unit. 

Anke fil-Ġermanja l-każi żdiedu sew hekk kif fis-16 ta' Diċembru il-każi tal-Covid-19 telgħu għal 53,000, minn kważi 30,000 fit-12 ta' Diċembru. Il-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż Karl Lauterbach wissa dwar "il-ħames mewġa massiva" li qed tolqot lill-Ġermanja, bil-pajjiż din il-ġimgħa iwaqqaf lin-nies milli jmorru fi Sports Stadiums, fost miżuri oħrajn.

Intant l-Olanda hija l-aħħar pajjiż minn elenku ta' pajjiżi Ewropej li qed idaħħlu restrizzjonijiet ġodda bis-sit Reuters jirrapporta li proprju llum is-Sibt il-Gvern Olandiż qed jiltaqa' biex jiddetermina jekk isirx lockdown "strett" għall-Milied. L-istess sit jirrapporta kif esperti tas-saħħa Olandiżi qed jirrakkomandaw li jingħalqu l-ħwienet kollha non-essenzjali, skejjel, barijiet, ristoranti u postijiet pubbliċi oħrajn. 

Id-Danimarka wkoll mistennija tkompli tagħlaq postijiet bħal teatri, ċinemas, swali tal-kunċerti u mużewijiet hekk kif qed tirreġistra żidiet rekord ta' każi minħabba l-Covid-19. Ristoranti u ħwienet se jkollhom jgħalqu fil-11:00 p.m, kunċerti b'aktar minn 50 persuna ġew projbiti u l-maskra trid tintlibes f'ristoranti meta mhux bilqiegħda. 

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Italja, il-Greċja u l-Portugall ukoll ħabbru li turisti ġejjin mill-UE jeħtieġ jippreżentaw test negattiv malli jaslu - anke fil-każ ta' persuni vaċċinati. 

Il-Gvern Irlandiż ħabbar curfew sat-8 p.m. għal ristoranti u pubs minn għada filwaqt li attivitajiet fuq ġewwa se jkunu ristretti ukoll. Intant il-Gvern tal-Portugall introduċa mill-ġdid restrizzjonijiet fl-1 ta' Diċembru sabiex, fost oħrajn, l-ilbies ta' maskri jsir mandatorju. Dan filwaqt illi biex tidħol f'ristoranti, ċinemas jew lukandi persuna trid turi ċ-ċertifikat tal-vaċċin. 

F'Malta sa issa l-Gvern ħabbar li l-maskri huma mandatorji kullimkien fil-pubbliku, anke jekk persuna tkun waħedha. 

 

 

More in Politika