L-Assoċjazzjoni Pedjatrika qed tħeġġeġ lill-ġenituri biex jaċċettaw l-istedina li qed issirilhom u jagħtu t-tilqima kontra l-Covid-19 lit-tfal. Skont il-pedjatriċi, tfal li jimirdu bil-Covid-19 ukoll jista’ jkollhom kumplikazzjonijiet, anke jekk dan mhuwiex daqshekk komuni.
L-Assoċjazzjoni saħqet li mill-istudji li saru, jirriżulta li t-tilqima li qed tingħata lit-tfal hija 90% effettiva biex tipproteġi lit-tfal jekk jiltaqgħu mal-virus.
Saħqet li miljuni ta’ tfal fl-Istati Uniti diġà ħadu t-tilqima li hija sigura.
Rigward rapporti li kien hemm xi tfal fl-Istati Uniti li kellhom xi sintomi severi wara li ħadu t-tilqima, inkluż infjammazzjoni fil-qalb, il-pedjatriċi saħqu li dan ir-riskju huwa “estremament baxx,” u li aktar hemm ċans li jseħħ jekk tifel jew tifla timrad bil-Covid-19.
It-tfal li għandhom bejn ħames u 11-il sena qed jirċievu l-appuntamenti d-dar biex jingħataw it-tilqima. Tfal li jbatu minn mard kroniku, bdew jieħdu t-tilqima mill-ġimgħa li għaddiet.
Dawn qed jingħataw żewġ dożi tat-tilqima ta’ Pfizer li sa issa hija l-uniku kumpanija li wettqet l-istudji u li kisbet l-approvazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina.