'Ix-xogħol mhux privileġġ': Ir-rakkomandazzjonijiet għall-Ħabs!
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa ħafifa b'kummentarju żgħir tal-erba' punti ewlenin mir-rakkomandazzjonijiet għall-Faċilità Korrettiva ta' Kordin f'sommarju ta' inkjesta ppubblikat din il-ġimgħa...
minn Albert Gauci Cunningham
"Ix-xogħol mhux privileġġ' u allura għandu jkun hemm protokolli u kriterji ċari sabiex dan ma jibqax privileġġ u allura aktar priġunieri jkunu jistgħu jagħmlu xogħol differenti fil-Ħabs. Din hija waħda mill-proposti u rakkomandazzjonijiet li qed isiru fir-Rapport tal-Inkjesta dwar policies u regolamenti operati mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li sar minn Dr. Anton Grech, Dr George Grech u Janice Formosa Pace.
Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn erba' punti mir- rakkomandazzjonijiet li qed isiru għall-ħabs - f'nofs kontroversja fl-aħħar ġimgħat minħabba l-istil ta' tmexxija tal-eks Direttur Alex Dalli, bil-gazzetta ILLUM fuq quddiem bi stejjer fl-aħħar ġimgħat, primarjament l-intervista ma' eks gwarjan (Emmanhuel Cassar) li akkuża lil Dalli illi darba kien saħansitra hedded priġunier b'arma. Din l-istorja kienet ikkonfermata minn sors differenti li qal illi Dalli kien saħansitra ftaħar quddiem Ministru ewlieni - li din il-gazzetta għandha ismu - li fil-fatt kien uża arma biex ibeżża' u jintimida priġunier biha.
Iżda kienet l-14-il mewt fil-faċilità li wasslet għall-awto-sospesnjoni ta' Dalli, bil-Ministru Byron Camilleri din il-ġimgħa jikkonferma li s-sospensjoni ta' Dalli hija permanenti u allura Robert Brincau, beda jokkupa l-kariga ta' direttur.
Xogħol għall-"ħbieb"?
1 - L-ewwel proposta hija propju din tax-xogħol, proposta li fil-fatt mill-ewwel sabet il-kritika tal-Ministru minħabba illi xogħol għal min ma jġibx ruħu sew fil-Ħabs jista' jagħti messaġġ ħażin. Minkejja li ma jidħlux f'wisq dettall fuq ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom l-awturi - wieħed jista' jifhem, anki minn stejjer li ppubblikat din il-gazzetta, illi jista' jkun li x-xogħol beda jingħata wisq skont ir-rieda u l-preferenzi ta' xi ħadd fil-Ħabs. Hija idea aħjar illi l-priġunieri jkollhom xi forma ta' skop fiż-żmien li se jagħmlu msakkrin, propju biex iżommu 'l bogħod problemi ta' saħħa mentali, li dan ir-rapport jagħmel aċċenn dwarhom ukoll.
Naturalment wieħed jifhem li l-pożizzjoni tal-Ministru probabbilment ġejja mill-fatt li xi forma ta' sistema ta' ppremjar għal imġieba tajba jeħtieġ ikun hemm u jista' jkun li x-xogħol jaf ikun wieħed minn dawn il-forom ta' ppremjar. Ċarament bl-użu tal-kelma "privileġġ" huwa ċar li dawn it-tliet esperti jħossu li s-sistema li biha jingħata x-xogħol ma kienx qed ikun ġust.
Division 6 u 13
2 - Interessanti li dawn l-esperti qed jitkellmu dwar il-famuża Division 6. Huma jikkonfermaw li priġunieri ġodda kienu qed jitpoġġew f'din id-diviżjoni kif ukoll kienu qed jitpoġġew persuni li jiġu ddixxiplinati. Dawn l-esperti huma kontra dan it-taħlit, li issa minflok qed isir f'Diviżjoni 13. Interessanti wkoll il-ħajja kif inhi f'din id-diviżjoni: 18.5 sigħat kuljum maqfulin, filwaqt li jieklu bejn l-4:30 p.m u l-5:00 p.m. "Fix-xhur tas-sajf f'dan il-post tinħass sew," jisħaq ir-rapport, li iżda ftit li xejn jidħol f'dettalji dwar il-kundizzjonijiet li fihom kienu jgħixu l-priġunieri fid-Diviżjoni sitta fejn smajna u qrajna ħafna stejjer ta' ġrieden u saħansitra kundanni minħabba li fiha ġieli jitpoġġew priġunieri f'solitary confinement. Priġunier li kien fl-istess ċella ma' Colin Galea u li kien tkellem mal-gazzetta The Sunday Times kien qal illi mitlub jingħata fann minħabba s-sħana kbira li kien hemm fiċ-ċella, dan ma ngħatalux! Galea kien sfortunatament miet tmien ġranet wara attentat ta' suwiċidju, wara li kien ilu jindika l-intenzjoni li jagħmel suwiċidju.
Il-problema tas-suwiċidju
3 - Dwar is-suwiċidju r-rapport jiddedika spazju u anke rakkomandazzjonijiet, fosthom li l-għajnuna psikoloġika għandha tibda tingħata lil kull priġunier, b'attenzjoni speċjali lil dawk li huma ġodda. Huma qed jipproponu li jkun hemm "approach" maniġerjali u komprensiv li permezz tiegħu ssir prevenzjoni tas-suwiċidju, filwaqt li jappellaw sabiex l-iscreening għas-suwiċidju għall-priġunieri ġodda ma jkunx ix-xogħol biss tat-tobba imma tat-tim kollu li huwa involut waqt li priġunier ikun dieħel fil-ħabs. Qed jisħqu wkoll li hemm bżonn ta' taħriġ għall-ħaddiema kollha, mill-ġdid b'mod speċjali għal dawk kollha li jaħdmu fir-reception. Finalment qed jipproponu sistema aħjar ta' identifikazzjoni ta' pulizija li jkunu f'riskju ta' suwiċidju.
Ir-rapporti (jew inkella s-sommarju) ma jsemmu xejn dwar l-inkjesti maġisterjali dwar mwiet b'suwiċidju u kif seħħew dawn l-imwiet u lanqas jidħlu jew jinvestigaw x'seta' wassal għal dawn l-imwiet, anke għax ma kinitx r-responsabilità tagħhom li jagħmlu dan. Lanqas, per eżempju, fuq każi bħalma huma ta' Colin Galea u kif persuna li kienet qed turi sinjali ċari u riskji ta' suwiċidju, jingħad li ma tħalliex jagħmel xogħol.
Naturalment allura, minkejja l-proposti, l-ħafna mistoqsijiet li hemm fuq suwiċidji u x'ġara biex kien hemm 14-il mewt f'madwar tliet snin, baqgħu xi ftit jew wisq mhux imwieġba!
'Rijabilitazzjoni vera'
4 - U finalment ħarsa lejn dak li qed jiġi propost dwar droga! Ir-rapport jgħid hekk: "Meta wieħed iqis li l-popolazzjoni tal-ħabs qegħda dejjem tiżdied, it-teħid tad-droga u problemi kliniċi oħra li jistgħu ikunu anke jew le relatati mit teħid tad-droga, il-bżonn ta’ taqsima ta’ riabilitazzjoni vera u proprja ġewwa l-ħabs li qed jilqa’ numru sinifikanti ta’ priġunieri hija mportanti mmens."
U l-kliem kruċjali huma "rijabilitazzjoni vera u propja", ammissjoni li fil-fatt il-ħabs tal-lum mhux qed iservi ta' faċilità verament ta' rijabilitazzjoni, minkejja li hekk jgħid ismu stess!