Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li madwar erba’ minn kull 100 test tal-Covid-19 li qed isiru qed jirriżultaw fil-pożittiv.
Huwa qal dan waqt il-programm Xtra fejn spjega li r-rata ta’ pożittività f’Malta hija ta’ 3.5%. ll-ġimgħa li għaddiet, din ir-rata kienet ta’ 2.5%
Il-Ministru ħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu l-booster anke għax spjega kif iż-żieda fil-każi, mhux f’Malta biss, hija riżultat tal-fatt li l-immunità qed tonqos u anke għax inzerta wasal varjant li jinxtered aktar malajr.
Kien għalhekk li saħaq li l-booster hija essenzjali biex il-pajjiż jiġġieled din il-mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet.
“Jidher li d-doża tal-booster qed tagħti spinta lill-immunità għal madwar sena u għalhekk dan ifisser li mhux se nirċievu tilqima kull xahrejn, imma x’aktarx tkun bħal tal-influwenza, darba fis-sena,” saħaq il-Ministru.
Insista li t-tilqim jibqa’ l-arma li bih irridu niġġieldu l-virus.