Iċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Covid-19 irid jiġġedded kull disa' xhur
Il-Kummissjoni Ewropea tħabbar li din ir-regola se tidħol fis-seħħ fi Frar 2022
More in Politika
Il-Kummissjoni Ewropea tħabbar li din ir-regola se tidħol fis-seħħ fi Frar 2022
Issa ċ-ċertifikat tal-Covid-19 Diġitali tal-Unjoni Ewropea (UE) irid jiġi mġedded kull disa' xhur. Din ir-regola ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea (KE) illum fejn saħqet li dan il-perjodu ta' disa' xhur se jiggarantixxi li l-miżuri tal-ivjaġġar se jkomplu jkunu kkoordinati, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew. B'hekk ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li r-restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli, kif ukoll kriterji oġġettivi.
Fi stqarrija l-KE tisħaq li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa storja ta' suċċess. Iċ-Ċertifikat se jkompli jiffaċilità l-ivvjaġġar sigur għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea matul iż-żmien tal-pandemija. S'issa nħarġu 807 miljun ċertifikat fl-UE. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilixxa standard globali, s'issa, 60 pajjiż u territorju f'ħames kontinenti ngħaqdu mas-sistema.
Il-KE tisħaq li l-perjodu ta' validità jqis il-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li skontha jiġu rrakkomandati d-dożi booster sa mhux aktar tard minn sitt xhur. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-kampanji nazzjonali tat-tilqim jkunu jistgħu jaġġustaw u li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għad-dożi booster, ingħataw tliet xhur ċans addizzjonali.
Ir-regoli l-ġodda dwar il-perjodu ta' aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim japplikaw għall-fini tal-ivvjaġġar. Meta jintroduċu regoli ġodda dwar l-użu taċ-ċertifikati fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri huma mħeġġa jallinjawhom ma' dawn ir-regoli l-ġodda biex jipprovdu ċ-ċertezza għall-vjaġġaturi u jnaqqsu t-tfixkil.
Intant il-Kummissarju għall-Ġustizzja Didier Reynders qal li, “l-perjodu ta' aċċettazzjoni ta' disa' xhur għaċ-ċertifikat tat-tilqim se jagħtu liċ-ċittadini u lin-negozji ċ-ċertezza li jeħtieġu biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom b'kunfidenza. Issa f'idejn l-Istati Membri biex jiżguraw li l-boosters ma jdumux ma jiġu distribwiti, biex nipproteġu saħħitna u niżguraw l-ivvjaġġar sikur.”