Kienet sena tajba għal Chris Fearne, Owen Bonnici u Moviment Graffitti...

...imma kienet sena diżastruża għal John Dalli, Alex Dalli u Keith Schembri

John Dalli: Għall-eks Ministru Nazzjonalista u eks Kummissarju Ewropew li kellu jirriżenja minħabba akkużi ta' tixħim fuq prodotti tat-tipjip (Snus), din kienet sena ħażina. Dan hekk kif din is-sena huwa beda jiffaċċja proċeduri kriminali kontrih quddiem il-Qorti b'akkużi li pprova jixxaħħam sabiex tinbidel projbizzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Fiż-żmien li ġara dan l-allegat każ Dalli kien Kummissarju Ewropew għas-Saħħa.  

Il-kanvaser tiegħu - Silvio Debono - kien akkużat li prova jinfluwenza kumpanija Svediża tal-Isnus, biex b'hekk l-Kummissarju jbiddel jew inaqqas minn leġiżlazzjoni li kienet mistennija toqlot lill-industrija tat-tabakk. 

Dalli reġa' ġie Malta fl-2013 ftit wara li kien elett Gvern Laburista.  

Meta tressaq l-ewwel quddiem il-Qorti tard din is-sena Dalli deher aġitat u għajjar lill-ġurnalisti "korrotti" u "mixtrija." 

Chris Fearne: Id-Deputat PM baqa' fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija u jista' jingħata l-kredtu din is-sena illi mexxa programm ta' vaċċinazzjoni li kien effiċjenti u effettiv hekk kif Malta kienet fuq nett fil-lista ta' persuni ivvaċċinati fid-dinja kollha għal bosta ġimgħat.  

Kmieni din is-sena - skont sondaġġ xjentifiku ppubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday - kien l-aktar Ministru popolari mal-poplu Malti kollu, anke ma' votanti Nazzjonalisti. Minn naħa l-oħra fit-tieni post ġie l-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg, li iżda kien l-aktar Ministru popolari fost votanti tal-Partit Laburista.  

Ara kif kienet is-sena 2021 għall-Prim Ministru Robert Abela

Marlene Farrugia: L-eks Deputata Laburista u eks Kap tal-Partit Demokratiku għamlet dik in-naqra ta' comeback matul din is-sena hekk kif f'Mejju ressqet Private Members' Bill li qed jitlob għad-dikriminalizzazzjoni tal-abort. Dan il-pass qajjem kontroversja kbira u l-attakki lejn Farrugia ma naqsux, anke minħabba li hi kienet esprimiet ruħha kontra l-abort fil-passat. Hija kienet spjegat illi dikriminalizzazzjoni hija differenti minn legalizzazzjoni u l-għan tagħha kien li nisa ma jibqgħux jidħlu f'riskju li jintbagħtu l-ħabs minħabba l-abort.  

Minkejja li l-partiti l-kbar - kif mistenni - taw daharhom għal din il-mozzjoni, bil-PN lanqas biss jiddiskutiha, dan kien pass politikament kuraġġuż għal Farrugia! 

Alex Dalli: Din kienet is-sena li fiha l-eks Direttur tal-Ħabs spiċċa taħt il-lenti u bil-kbir sakemm spiċċa tneħħa mill-kariga, anke jekk kellu l-appoġġ ta' numru ta' ħaddiema u anke priġunieri.  

Dalli rriżenja wara l-14-il mewt fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kemm kien ilu jmexxi l-Ħabs. Pero' din ir-riżenja ġiet wara sensiela ta' akkużi ta' tmexxija militari, mnebbħa mill-biża', u intervista esklussiva ta' eks Gwardjan mal-ILLUM li heżżet lit-tmexxija tal-Ħabs u li kienet titratta l-użu tal-arma li kien iġorr Dalli, fuq il-priġunieri. L-ILLUM kellha stejjer oħrajn dwar il-mod kif kien imexxi l-Ħabs u l-mod ukoll kif dawk li ma kinux "tal-qalba" kienu qed jingħataw il-ġenb! 

Owen Bonnici: Dan il-Ministru reġa' qala' promozzjoni konsiderevoli wara illi reshuffle fl-2020 kien għamlu Ministru tar-Riċerka u l-Innovazzjoni - mhux eżattament l-aktar Ministeru eċitanti u politikament b'saħħtu! U dan wara li Bonnici kien Ministru tal-Edukazzjoni! 

Minkejja dan, din is-sena Bonnici ħa l-Ugwaljanza taħt idejh wara li ċedietu Rosianne Cutajar bir-riżenja tagħha. Dan il-qasam poġġa lil Bonnici fuq quddiem, speċjalment fuq il-liġi u r-riforma tal-użu tal-kannabis. Dan ifisser li l-2021 tat lil Owen Bonnici ħafna iktar rilevanza politika u anke ċans li jinstema' u jidher, milli kellu bil-portafoll preċedenti! 

Alex Agius Saliba: Dan l-MEP spiċċa s-sena bit-tajjeb hekk kif inħatar wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, wara sentejn u nofs biss minn kemm ilu MEP. Agius Saliba ħadem fuq diversi materji matul din is-sena, filwaqt li kien kritiku ħafna tad-dibbattiti li saru fuq Malta.  

Huwa kien ukoll iżda l-ewwel MEP Laburista u l-ewwel persuna mill-PL li fil-fatt awgura u wiegħed l-appoġġ lil Roberta Metsola għall-fatt li nħatret kandidat għall-kariga ta' President tal-Parlament Ewropew f'isem il-Partit Popolari Ewropew.  

Keith Schembri: Din ma kinitx sena tajba għal Keith Schembri, xi darba l-aktar persuna b'saħħitha f'dan il-pajjiż, hekk kif spiċċa arrestat. Kienu xeni kważi surreali, hekk kif il-pajjiż kien imwaħħal mat-TV jew mal-portals jara lil Schembri, fuq wara ta' vann, għajjien u ħosbien jiddaħħal il-Qorti.  

Schembri ttella' b'akkużi ta' frodi, ħasil ta' flus u konspirazija kriminali.  

Naturalment dan waqt li baqgħu ħerġin aktar dettalji dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li fiha jissemmew nies li kienu jaħdmu ma' Schembri u anke Schembri nnifsu. L-aħħar kontroversja kienet dwar data mill-mowbajl tal-istess Schembri, b'dan jitlob li ċerta dettalji personali li ma humiex relatati mal-investigazzjoni ma jkunux ippubblikati.  

Adrian Delia
Adrian Delia

Adrian Delia: Delia kellu sena ħażina ħafna fl-2020, imma din is-sena reġa' tela' ftit 'l fuq hekk kif wara battibekk bejnu u Jason Azzopardi, dan tal-aħħar kważi ħa lura mill-affarijiet li kien qal jew implika waqt is-snin li Delia kien Kap tal-PN. L-aktar dawn kienu jirrigwardaw qrubija ma' Yorgen Fenech, chats miegħu - liema chats wasslu biex jibda l-proċess biex Delia jitneħħa minn Kap - u anke l-allegazzjoni li hu ħa xi flus mingħand Yorgen Fenech! 

Minkejja li baqa' Deputat u mistenni jibqa' wara l-elezzjoni, din kienet xi ftit ta' rebħa - wara sensiela ta' telf - għall-eks Kap tal-PN.  

Ara kif kienet is-sena 2021 għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Clyde Caruana: Għalih personali u politikament l-2021 kienet sena suċċess li matulha rajna Ministru tal-Finanzi, xi ftit jew wisq aktar tekniku u 'hands-on' imexxi s-settur b'doża ta' realiżmu wkoll. Caruana ressaq baġit li kien imfaħħar mis-soċjetà ċivili u mlaqqam minn bosta djar tal-midja bħala baġit b'ruħ soċjali.  

Minkejja dan, din is-sena Caruana kellu jiffaċċja wkoll d-deċiżjoni tal-FATF li titfa' lil Malta fuq il-lista l-Griża, minkejja li pajjiżna kien għadda mill-eżami tal-Moneyval ftit biss qabel.  

Din id-deċiżjoni ġabet magħha kritika qawwija fuq il-Gvern u anke biża' fis-settur finanzjarju ta' daqqa liema bħalha. Minkejja li d-daqqa għadha ma nħassitx sa issa, jinħass li hemm imbuttatura għal ħafna iktar dixxiplina u anke miżuri fi ħlasijiet lill-banek, f'dawk li jirrigwarda ħlas bi flus kontanti. Il-Kamra tal-SMEs diġà qed twissi biex il-Gvern ma jippruvax jgħaddi minn dan it-test billi "jsawwat" u jagħmel il-ħajja tan-negozju żgħir diffiċli.  

Bernard Grech wiegħed li Gvern Nazzjonalista joħroġ lil Malta mil-Lista l-Griża f'temp ta' 90 jum u jisħaq li Gvern li kaġun tiegħu Malta daħlet f'din il-lista, ma jistax ikun is-soluzzjoni.  

Charmaine Gauci, is-Supretendet tas-Saħħa Pubbliku
Charmaine Gauci, is-Supretendet tas-Saħħa Pubbliku

Charmaine Gauci:  Din is-sena Gauci, minkejja li baqgħet persuna prominenti f'dak kollu li jirrigwarda l-Covid-19, naqqset ħafna mill-apparenzi tagħha hekk kif twaqqfu l-konferenzi ta' kuljum li għal xhur sħaħ eluf kienu jsegwu kuljum. Għalhekk niżlet xi ftit fil-popolarità li kellha, fl-ewwel xhur tal-pandemija.  

Adrian Hilman: Għal Hillman kienet sena ħażina hekk kif kellu jirritorna mir-Renju Unit u arrestat fuq l-istess każ li jikkonċerna lil Keith Schembri. Hillman - li kien Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers - kien ġie akkużat b'ħasil ta' flus u korruzzjoni.  

Andrè Callus (Graffitti): Il-Moviment Graffitti matul din is-sena baqa' l-kuxjenza ambjentali u soċjali ta' dan il-pajjiż, biex - fl-opinjoni ta' din il-gazzetta -  din hija l-għaqda li tinsab fuq quddiem fl-akbar ġlidiet ambjentali ta' dan il-pajjiż, kif kienet fl-2021 fuq il-kwistjoni ta' Ħad-Dingli u triq li għaddiet minn għelieqi hemmhekk u fuq quddiem nett fil-kwistjoni ta' marina f'Wied il-Għajn, b'diversi stqarrijiet u anke protesta kontra dan l-iżvilupp.  

Il-Moviment Graffitti kien fuq quddiem ukoll fil-battalja ta' diversi bdiewa li kienu jew mistennijin jitilfu arthom minħabba li ġiet żviluppata jew hija ppjanata li tiġi żviluppata biex jinbnew toroq, kif ukoll bdiewa li bdew jitkeċċew minn arthom minħabba l-qbiela.  

Il-Moviment Graffitti dejjem żamm sod fit-twemmin xellugi tiegħu u b'konsistenza kkritika kemm lill-PN u anke lill-Gvern, b'konsegwenza li diversi jakkużawh li huwa "nazzjonalist" jew "Laburist" 

More in Politika