L-ADPD titfa' parti mill-ħtija tal-każi tal-Covid-19 fuq il-konferenza tas-Sigma f'Novembru

... imma tisħaq li l-kritika lill-awtoritajiet tas-saħħa għax żdiedu l-każi "mhux f'postha"

 

ADPD - The Green Party fi stqarrija qalet illi stqarrija l-kritika lejn l-awtoritajiet tas-saħħa minħabba ż-żieda fil-każi tal-Covid-19 "mhix f'postha" hekk kif ifakkru li l-ebda awtorità tas-saħħa fid-dinja ma tista’ tagħmel dan. "Għalhekk għandna nuru l-appoġġ tagħna lill-awtorijiet tas-saħħa u lill-professjonisti f’dan il-qasam fuq din il-materja," qalet l-ADPD. 

Madankollu, l-ADPD qalet illi l-Gvern hu responsabbli għall-fatt li ċeda għall-pressjoni ta’ organizzaturi ta’ taparsi konferenza "li kienet biss party massiv għal ftit privileġġjati" f'referenza għall-konferenza Sigma fl-aħħar ta’ Novembru. 

"Din iż-żieda setgħet bdiet aktar tard kieku il-Gvern ma waqax għal din il-pressjoni mill-industrija tal-igaming. Eluf ta’ persuni minn industrija mimlija nies kontra l-vaċċinazzjoni u li jħobbu l-parties mid-dinja kollha spiċċaw f’Malta," qal dan il-partit fi stqarrija. 

L-ADPD ikkritikat ukoll lill-Gvern għax għamel il-maskri obbligatorji saħansitra fil-miftuħ, "filwaqt li ħalla lil Paceville u postijiet ta’ divertimentoħra miftuħa b’mod normali sakemm kien tard wisq."

"Filwaqt li kien hemm xi wħud li gawdew mis-Sigma, il-kumplament tal-ekonomija batiet, biex ma jsemmux dawk li sfaw iżolati mis-soċjetà," sostniet l-ADPD. 

Intant l-istqarrija tfakkar li t-tilqima tal-vaċċin taħdem u tisħaq li skont riċerka fir-Renju Unit għandek 60 darba inqas ċans li tispiċċa fil-kura intensiva jekk tkun imlaqqam milli jekk m’intix

"Ix-xjenza tat-tilqima hija waħda soda u kredibbli, imma n-nuqqas ta' aċċess għat-tilqima fil-pajjiżi foqra qegħda toħloq inġustizzja soċjali," sostna l-Partit. 

L-ADPD qalet dan fid-dawl ta' midja soċjali li tgħid illi hija miżgħuda "b’informazzjoni żbaljata dwar il-Covid." L-istqarrija fakkret li l-Covid-19 ħolqot numru ta’ ‘epidemiji’ u traġedji f’Malta,  "ibda mit-traġedja ta’ mwiet qabel iż-żmien, għall-effetti fit-tul fuq individwi ta’ età żgħira li qabel kienu jarmu s-saħħa, anke meta dawn ġew milquta b’mod ħafif – xi ħaġa li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa qegħdin jiltaqgħu magħha."

L-ADPD sostniet li hemm ukoll l-epidemija daqstant serja ta’ mard mentali ikkawżat mill-esklużjoni soċjali li tfakkar illi wkoll għandha tiġi kkunsidrati fi kwalunkwe miżuri relatati mal-Covid.”

"ADPD – The Green Party tesiġi li l-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu jsegwu bir-reqqa l-istudji li qegħdin isiru globalment bil-għan li jitnaqqas aktar il-perjodu ta’ iżolament, għal dawk li ħadu t-tilqim kollu meħtieġ u li m’għandhomx sintomi," temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika