Grima ma riedx li l-iskejjel jiftħu wara l-10 ta' Jannar
... talba biex l-iskejjel jiftħu ġimgħa tard ma kinitx milqugħa mill-Ministru Clifton Grima
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima rreżista talbiet biex l-iskejjel ma jiftħux issa u minflok jiftħu ġimgħa jew saħansitra ġimagħtejn tard. Din il-gazzetta hija infurmata li Grima u allura l-Gvern ukoll ried illi l-istudenti jidħlu nhar l-10 ta' Jannar, mhux wara. Jidher li wara diskussjoni li saret bejn il-Gvern, il-unjins u l-awtoritajiet tas-saħħa kien hemm il-qbil finali li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom fl-10 ta' Jannar.
F'kummenti qabel il-laqgħa l-Ministru Grima sostna li huwa dejjem jemmen li t-tfal għandhom ikunu fil-klassi, "u bħala prinċipju jiena dejjem nitlaq mill-punt li l-iskejjel għandhom jibqgħu miftuħin." Huwa fakkar li l-importanza li t-tfal jieħdu l-edukazzjoni fil-klassi, skont protokolli tal-Covid-19 - hija kkonfermata wkoll mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Minkejja dan Grima qal ukoll li huwa jifhem l-inkwiet tal-ġenituri, l-għalliema u l-edukaturi kollha u huwa għalhekk li fl-aħħar ġranet saru numru ta' laqgħat bejn il-Gvern, l-awtoritajiet tas-saħħa u anke l-unjins li jirrapreżentaw lill-edukaturi.
"Pero jiena nemmen li rridu dejjem nimxu max-xjenza ."
Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk jarax il-ħtieġa ta' aktar miżuri fl-iskejjel Grima qal li l-protokolli li hemm fl-iskejjel diġà huma elevati u sar propju ħafna investiment biex l-iskejjel jilqgħu għall-Covid-19.
"Se nkomplu bid-djalogu ma' dawk kollha involuti għax wara kollox dan il-virus mhux se jispiċċa mil-lum għall-għada u allura rridu nibqgħu dejjem nfittxu l-aqwa bilanċ fl-interess tal-istudenti u l-edukaturi."
Il-każi tal-Covid-19 laħqu numri rekord fl-aħħar ġimgħa tas-sena 2021 hekk kif qabżu l-1,300 każ ġdid kuljum, u nhar il-Ġimgħa saħansitra qabżu l-1,400 każ ġdid. Dan ir-rekord ta' każi jirrifletti wkoll rekords li qed jintlaħqu madwar l-Ewropa kollha, fosthom fi Franza, l-Italja u anke r-Renju Unit.
Minkejja dan, sa issa, l-ebda pajjiż għadu ma ħabbar li l-iskejjel mhumiex se jiftħu.
L-iskejjel se jkunu qed jiftħu l-bibien għall-istudenti fl-10 ta' Jannar, minflok fis-6 ta' Jannar li ġej, jew inkella kwalunkwe ġurnata qabel din. Minkejja dan, dawk l-istudenti kollha li kienu skedati li se jibdew l-iskola nhar il-Ħamis 6 ta' Jannar jew is-7 ta' Jannar, f'dawn il-jiem se jagħmlu l-lezzjonijiet onlajn. Ikun biss fl-10 ta' Jannar li l-istudenti jmorru lura l-iskola fiżikament. Dan jgħodd ukoll għal Junior College, MCAST u kwalunkwe istituzzjoni edukattiva oħra.
Dan seħħ wara laqgħa il-unjins, il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u l-awtoritajiet tas-saħħa, nhar il-Ġimgħa filgħodu.
Fil-każ tal-Università l-practicals se jkunu qed isiru b'mod fiżiku, filwaqt li l-istudenti Universitarji se jkunu qed jirċievu komunikat mill-fakultà tagħhom fil-ġranet li ġejjin illi fiha jkunu infurmati bid-deċiżjoni dwar jekk il-lectures humiex se jsiru fl-Università nnifisha jew inkella onlajn. Dan skont id-daqs tal-klassi, f'termini ta' studenti.