L-ADPD tipproponi li jinbidel il-mekkaniżmu tal-COLA fid-dawl tal-għoli tal-ħajja

'Dawk fuq il-paga minima huma tabilħaqq il-foqra' - Carmel Cacopardo

Carmel Cacopardo ċ-Chairperson ta’ ADPD stqarr li ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, "terġa’ titfa’ ħarsitna bil-qawwa kollha fuq in-nuqqas ta’ paga minima li tassigura livell ta’ għajxien diċenti. Dawk fuq paga minima huma tabilħaqq il-foqra. Huwa essenzjali li l-Gvern ma jibqax ikaxkar saqajh biex ikun revedut il-mod kif tkun kkalkulata l-paga minima.” 

Minn naħa l-oħra il-kandidata u Deputat Segretarju Ġenerali ta’ ADPD Sandra Gauci qalet li huwa evidenti għal kulħadd li l-ħajja qed togħla minn ġurnata għall-oħra u li l-paga u l-pensjoni taż-żgħir qed tissarraf dejjem f'inqas meta jipprova jaqdi l-ħtiġijiet bażiċi , "l-ispending power qed tonqos." Hija żiedet tgħid li dan huwa minħabba bosta fatturi fosthom il-Covid li waqqfet u ġieli dewmet il-produzzjoni u t-trasport ta’ materjal u oġġetti minn barra minħabba lockdowns u kwarantini f’pajjizi li minnhom nimpurtaw fosthom l-Italja. Gauci tispjega li fattur ieħor hu t-trasport tal-merkanzija.

Hija temmen li filwaqt li l-gvern ftit li xejn jista’ jagħmel dwar prezzijiet li jogħlew minn barra hemm affarijiet li jista’ jagħmel internament, fosthom li jikkontrolla l-ispejjeż tat-trasport ta’ ikel u mediċini. Tgħid li l-mekkaniżmu tal-COLA għandu jiġi rivedut u hemm bżonn li prodotti bħal face masks u sanitizers jiżdiedu mal-baskett tal-affarijiet essenzjali.

"Il-prezzijiet splodew kważi b’4 darbiet aktar biex iġġib l-istess container u dan qed jirrifletti ruħu fil-prezzijiet. Ir-rata tal-inflazzjoni fl-aħħar ta Novembru 2021 kienet ta’ 2.38% meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena 2020 li kienet ta’ 0.27%. Ma ninsewx ukoll il-Brexit li ħolqot ħafna konfuzjoni u affarijiet out of stock speċjalment mediċini li nimpurtaw minn hemm," qalet Gauci. 

Tgħid li l-IT sar bżonn ta’ kuljum li min ma jkollux jispiċċa maqtugħ mid-dinja u allura affarijiet bħal internet, mobiles u laptops għandhom jiżdiedu fil-baskett tal-bżonnijiet ta’ kuljum iżda affarijiet bħal sigaretti għandhom jitneħħew. 

"Illum li tkun online sar bżonn speċjalment fi żmien il-Covid fejn ħafna mis-servizzi marru online u ħafna mix-xiri beda jsir minn hemm," temmet Sandra Gauci. 

Intant Cacopardo spjega li paga minima tkun meqjusa ġusta meta mqabbla ma pagi ta’ ħaddiema oħra u meta tipprovdi livell ta’ għajxien diċenti fil-kuntest tal-qagħda ekonomika ġenerali tal-pajjiż.

"Malta hija waħda minn dawk il-pajjiżi li qegħdin jopponu Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea mandatorja biex tassigura paga minima ġusta! Meta ż-żieda fil-paga minima, imsejjħa ukoll iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, ma tirrifflettix ir-realtà toħloq problemi kbar għal persuni u gruppi vulnerabbli. Tnaqqar ukoll mill-valur tal-pagi li jkunu għola minn dik minima. Dan iseħħ għaliex il-baskett ta’ prodotti u servizzi li jkejjel iż-żieda fl-għoli tal-ħajja ma jkunx jirrifletti dak li jkun qiegħed jiġri fir- realtà," qal Cacopardo. 

More in Politika