'Nagħti garanzija ta' xogħol u kundizzjonijiet lill-ħaddiema kollha tal-Air Malta'

Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq li l-Gvern ried jagħti serħan il-moħħ u s-sens ta' sigurtà lill-ħaddiema tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru bħala prijorità

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela ta' garanzija ċara lill-ħaddiema kollha tal-Air Malta li l-impjieg u l-kundizzjonijiet tagħhom huma garantiti. Huwa kien qed jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalist Fabian Demicoli fi Pjazza Kastilja, f'għeluq is-sentejn mit-tmexxija ta' Robert Abela. 

Huwa sostna li l-Kummissjoni Ewropea kienet qed tagħmilha ċara li d-direzzjoni hija biex l-Air Malta tagħlaq, kif kienu qed jgħidu wkoll numru ta' esperti. Fakkar li dan kollu kien qed iseħħ ukoll fid-dawl tal-fatt li l-għeluq tal-ajruport wassal biex il-Linja Nazzjonali tilfet il-klijenti kollha tagħha hekk kif passiġġieri ma kienx hemm. Fil-fatt l-Air Malta kienet ħabbret illi kien hemm eluf kbar ta' titjiriet li ġew ikkanċellati jew posposti fl-agħar xhur tal-pandemija fl-2020 u anke s-sena l-oħra. 

Abela qal li l-prinċipju li stabilixxa, l-ewwel u qabel kollox, hija li l-linja tal-ajru tista' ssalva u allura li l-Gvern se jagħmel minn kollox biex l-Air Malta ssalva. It-tieni prinċipju tal-Gvern - kompla jispjega - huwa mudell li permezz tiegħu l-Linja tal-Ajru issir vijabbli. Minkejja li fakkar li l-Air Malta sservi skopijiet importanti ħafna, qal ukoll li din ma setgħetx tibqa' titlef il-miljuni li kienet qed titlef. 

Fil-fatt f'kummenti esklussivi mal-gazzetta ILLUM il-Ministru Clyde Caruana lura fi Frar tas-sena l-oħra huwa kien qal li l-Linja Nazzjonali kienet qed titlef €170,000 kuljum, filwaqt li qal ukoll li kien proġettat li titlef madwar €30 miljun din is-sena. 

"Għalija iżda l-aktar importanti kien x'se jiġri mill-ħaddiema tal-Air Malta - dawk li se jibqgħu rridu nagħtuhom is-serħan il-moħħ u s-sens ta' sigurtà. Imma għal dawk li mhux se jibqgħu, il-prinċipju jibqa' li ma rridu lil ħadd jitlef il-ħobża ta' kuljum... ridna inħarsu l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u hekk għamilna," saħaq Abela. 

Ilbieraħ il-Ministru Clyde Caruana ħabbar li l-Linja Nazzjonali se tneħħi ftit aktar minn 400 ħaddiem minn fuq il-kotba tagħha u se jingħataw impjieg mal-Gvern.  

Filwaqt li qal illi ma tagħmilx sens li nippuntaw is-swaba', huwa semma' d-deċiżjoni li l-Air Malta tixtri l-RJs u Kap Eżekuttiv li tħallas nofs miljun f'paga minn Gvern Nazzjonalista, bis-sitwazzjoni tal-Ar Malta tibqa' waħda ħażina. 

Dwar l-elezzjoni huwa jagħmilha ċara li ma hemm ebda rebħa ċerta għall-Partit Laburista u saħaq fuq l-importanza li ħadd ma tikbirlu rasu żżejjed.

 

 

More in Politika