'Kont għadni nissepara, single mother u kull ma' kelli ħaduli'
Il-gazzetta ILLUM tiżvela li hawn madwar 100 persuna jew koppja li ingidmu minn kuntrattur li ħadilhom il-flus tal-konvenji iżda ħalliehom b'xejn...
minn Albert Gauci Cunningham
Il-gazzetta ILLUM irċievet għexieren ta' kummenti u talbiet minn diversi persuni li sfaw migdumin eluf kbar ta' ewro mill-Kuntrattur Alex Mercieca (mhux l-istess Alex Mercieca tax-Showroom taż-Żejtun) - li diġà kien ordnat iħallas €150,000 mill-Qorti fuq konvenju, li sar fuq proprjetà li hu ma kellux titolu tagħha u allura li fuqha ma setax jibni l-blokka appartamenti f'Tarġa Gap il-Mosta.
Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li dawk migdumin mill-kuntrattur ilaħqu madwar 100 koppja jew individwu. Wara xhur jiġru għal flushom, għamlet kuntatt magħhom aġenzija li jisimha Landmark u li l-uffiċċji tagħha qegħdin fis-Swieqi.
Fost id-diversi nies li tkellmu mal-gazzetta ILLUM kien hemm single mother li spjegat kif Mercieca ħadilha kull sold li kienet ħadet mis-separazzjoni u li nefqet biex ikollha post fejn tista' tgħix ma' binha.
"Kont għadni kif nissepara, jiena naħdem xogħol normali u naqlagħha u nikolha u mis-separazzjoni ħadt madwar €12,000 - daqshekk ħallast f'konvenju fuq proprjetà f'Raħal Ġdid. Kull ma kelli tfajtu fuq il-konvenju biex jiena u ibni jkollna fejn ngħixu," qalet imbikkma din l-omm.
Hija spjegat kif permezz tan-Nutar - li mill-informazzjoni li għandha din il-gazzetta jidher li kien nutar f'xi konvenji oħrajn ma' Mercieca - hija għamlet konvenju mal-kuntrattur, li fih kienet assigurata illi huwa jinsab fil-proċess li jixtri l-art u l-konvenju kien jistipola b'mod ċar illi jekk ma jixtrix din l-art hija tieħu dawn il-flus lura.
In-Nutar qalilha illi kellha tagħti l-flus mal-konvenju, li jkunu jistgħu jissarfu mill-ewwel għaliex Mercieca kellu juża dawn il-flus biex jibda x-xogħol tal-bini mill-ewwel.
"Imabgħad waqaf jaqbad it-telefon Mercieca u dejjem bl-iskużi - u għax miet il-perit, u għax il-Covid, sal-mara li mietet il-Ħamrun uża bħala skuża darba," qalet il-mara.
Dan sakemm għamlu kuntatt magħha l-Aġenzija Landmark - li għandha l-uffiċċju fis-Swieqi - u li jirriżulta li għamlet kuntatt ukoll ma' diversi persuni oħrajn migdumin.
Għamel ukoll kuntatt magħha l-amministratur tal-flus ta' Mercieca li ħeġġiġha biex tagħmel il-kostituzzjoni tad-Debitu u twaqqa' l-konvenju biex ftit xhur wara tieħu flusha lura.
Iżda bħal diversi oħrajn baqgħet b'xejn.
"Tefgħani lura u kissirni. Ħadli daqs sena paga minn ħalqi u ħalq ibni," sostniet b'rabja din il-mara mal-ILLUM li xtaqet tibqa' anonima, bħal dawk kollha li kellmuna sforz il-biżà u anke każijiet li infetħu jew ser jinfetħu fil-Qorti.
'Ix-xogħol kollu li ħdimna għalih tajnieh lilu'
Koppja oħra li ngidmet kellha storja ftit differenti għaliex dawn iffirmaw konvenju, ħallsu €50,000 u l-proprjetà fil-fatt inbniet - imma tinsab maqbuda fi proċessi u mandati ta' eluf u eluf kbar ta' ewro.
Mistoqsijin għaliex aċċettaw li ċ-ċekk jissarraf, il-koppja sostnew li huma kienu qed ifittxu post - u użaw aġenzija apposta biex kollox ikun sew - "u meta ġejna għall-konvenju kienu qalulna li hu lest iniżżel il-prezz jekk inħallsu €50,000 depożitu. B'hekk il-post minflok €225,000 kien se jiswina €190,000. Dan kollox quddiem nutar għamilna, lanqas qatt ma mmaġinajna x'qed jiġri!" sostnew mal-gazzetta ILLUM.
L-istess bħall-omm li qed trabbi lil binha waħedha huma qalu li f'daqqa waħda ma semgħu xejn aktar għajr skużi dwar għaliex ma xtarax l-art u permessi u Covid-19.
Minkejja dan il-blokka kienet bdiet tiela' fil-Gżira u allura din il-koppja għamlu l-qalb u kellhom tama li jieħdu l-post, sakemm saru jafu li l-prorpjetà maqbuda b'ħafna mandati minħabba n-nies kollha li kien gidem.
In-nutar wissiehom biex ma jkomplux jagħtu flus "għax Mercieca se jispiċċa ħażin mal-FIAU."
"Aħna t-tnejn naħdmu, għandna impjieg normali. Ix-xogħol kollu li ħdimna għalih tajnieh lilu," sostna b'rabja kbira r-raġel li tkellem ma' din il-gazzetta.
Kienu diversi dawk li tkellmu mal-ILLUM fosthom koppji u anke nutara li għandhom klijenti li ingidmu minn Mercieca fl-aħħar snin.
Mercieca qed jiffaċċja wkoll numru ta' mandati quddiem il-Qorti li għadhom sub-judice u li jikkonċernaw eluf kbar ta' ewro minn koppji u persuni migdumin.