Analiżi | Għalfejn għal ħafna votanti Laburisti Joseph Muscat għadu 'l-King'?
Kull darba li jitkellem Joseph Muscat eluf jerħulha fuq Facebook biex jaraw x'għandu xi jgħid u parti sostanzjali tal-għeruq Laburisti jinfexxu f'ċapċip u eloġji. Imma dan għaliex? Kif Joseph Muscat jibqa' daqstant maħbub? X'kellu kontrih Muscat li Abela għad ma għandux? L-ILLUM tanalizza...
minn Albert Gauci Cunningham
Din il-ġimgħa l-eks Mexxej Laburista u eks Prim Ministru Joseph Muscat tefa' filmat li fih huwa żvela kif il-Pulizija marru d-dar tiegħu u apparti li staqsewh elenku ta' mistoqsijiet fuq il-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare kkonfinskaw ukoll il-mobiles tiegħu, ta' martu u anke ta' uliedu. Dan wassal għal reazzjonijiet qawwijin minn mijiet ta' Laburisti fuq Facebook, diversi appelli għal turija ta' appoġġ lejh u messaġġi ta' eloġju, tifħir u aġġettivi superlattivi lejn Muscat.
Muscat dejjem kien xi ftit enigmatiku. Aktar milli hu kien enigmatiku, huwa l-appoġġ qawwi u l-lealtà assoluta ta' diversi attivisti u uffiċjali Laburisti lejh, li hija. Intensità ta' appoġġ li Abela għad ma għandux.
Allura għaliex minkejja l-allegazzjonijiet kollha u s-suspetti fuqu Muscat jibqa' daqstant popolari mal-għeruq? U għaliex huwa imperattiv għal Robert Abela li ma jnaffarx wisq lil Muscat, mingħajr ma jidħol fir-riskju li jifred lill-Partit Laburista? Għax il-votanti li jappoġġjaw lil Muscat huma politikament għomja? Għaliex għad hemm ċerta' lealtà lejn Muscat, li forsi Abela għadu ma jikkmandax? Għaliex għal ħafna Laburisti Muscat għadu 'il-King'?
Għax Muscat ħareġ lill-Laburisti minn 25 sena ta' telf u daħħalhom f'10 snin ta' suċċessi elettorali rekord!
Irridu naraw minn fejn beda Muscat. Muscat beda meta l-Partit Laburista kien ilu fl-Oppożizzjoni 19-il sena. Kien tilef l-maġġoranza ta' voti fl-1981, 1987, 1992, 1998, 2003 u anke fl-2008 - elezzjoni li ħafna kienu jaħsbu li l-Partit Laburista kien se jirbaħ, anke jekk mhux b'wisq! Il-Partit Laburista li ħa Muscat kien dak li f'21 sena kien fil-Gvern biss darba, għal 22 xahar biss hekk kif kellu jkun eks-Mexxej tal-istess partit (Dom Mintoff) li jwaqqa' l-Gvern ta' Alfred Sant fuq vot ta' fiduċja marbut ma' proġett fil-Kottonera.
Dan ifisser li Muscat ħa t-tmexxija ta' partit li kien qata' qalbu li jirbaħ u li kien xi ftit jew wisq mifrud f'fazzjonijiet differenti, li għalkemm qatt ma kienu pronunzjati u fi gwerra pubblika daqs dawk fil-PN (kontra u favur Delia) kienu preżenti u kien magħruf li ċerta episodji waslu biex dawn il-qasmiet ggravaw. Fost dawn l-episodji kien hemm il-famuża siegħa żejda fil-ħin tal-votazzjoni, li kienet maqbula bejn il-partiti, bil-PL rappreżentat minn Michael Falzon u b'bosta jwaħħlu f'din is-siegħa għat-telfa żgħira imma xorta devastanti tal-PL fl-2008.
Muscat ħa wkoll iżda partit f'idejh li kien tilef ħafna mill-ġenerazzjoni żagħżugħa li mmilitat wara l-viżjoni u l-idea ta' Malta membru tal-Unjoni Ewropea, kontra l-Partnership li l-Malta Labour Party (dak iż-żmien hekk kien jismu) ma kienx irnexxielu jfiehem u jispjega sew lill-poplu. Dan apparti li l-Partnership kien kunċett xi ftit jew wisq stramb għal bosta dak iż-żmien.
L-MLP kien partit mifni bil-paranoja u li kien sar xi ftit jew wisq esklussiv.
Id-differenza bejn dan il-partit u l-Partit Laburista tal-2013, tal-2017 u anke tal-lum hija enormi. Ftakru li hawnhekk qed nitkellmu fuq il-Partit mhux fuq il-Gvern!
Il-Partit Laburista issa ilu 13-il sena jikseb maġġoranzi rekord li lanqas qatt ma kien joħlom li jikseb il-Partit Nazzjonalista. Minn distakki ta' 13,000 vot, mill-2009 bdejna nitkellmu fuq maġġoranzi ta' 33,000 vot u aktar. Muscat litteralment kaxkar lill-PN fl-2009, 2013, 2014, 2017 u finalment fl-2019 - jekk nieħdu biss elezzjonijiet fuq bażi nazzjonali. L-akbar rebħa kienet tal-2019 - b'maġġoranza ta' madwar 43,000 vot minn fuq il-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien immexxi minn Adrian Delia.
Muscat ressaq lejn il-partit eluf kbar ta' votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti, mijiet ta' negozjanti li sa ftit qabel kienu jaraw lill-Partit Laburista bħala l-għażla naturali fl-Oppożizzjoni, eluf ta' nies li qatt ma kienu ħolmu li jivvutaw Labour.
U minkejja l-problemi u skandli li heżżew lill-Gvern Laburista u minkejja li l-Partit Laburista fil-fatt tilef eluf ta' voti f'appoġġ, huwa rnexxielu jagħmel tajjeb għal dawn, b'voti ġodda ta' votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti u votanti żgħażagħ.
Muscat wettaq bidla sħiħa fid-dehra tal-PL, mill-maktur sal-isem, sal-mod ikkoordinat u professjonali kif isiru l-attivitajiet u kif Muscat kien jidher u jippreżenta lilu nnifsu wkoll. L-immaġini tal-PL lanqas biss baqa' jintagħraf minn dak tal-MLP.
Għax lil Muscat "messewlu l-famlija" u "gidbu fuqu"
Anke jekk Muscat irriżenja minn Mexxej Laburista meta l-Gvern kien maħkum minn allegazzjonijiet ta' impunità, korruzzjoni u mdawwar b'nies li kienu ġew implikati (għalkemm qatt akkużati sa issa) fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u anke jekk it-tluq tiegħu laħaq apiċe mill-aktar perikoluż bi protesti kbar u tensjoni politika xi ftit jew wisq kerha, huwa xorta baqa' maħbub ma' ħafna Laburisti. U hemm raġuni għal dan.
Muscat ħadha qatta' bla ħabel kontra l-alleati tradizzjonali, kontra dawk li ħafna Laburisti jikkunsidraw bħala "l-establishment" - jiġifieri l-PN - u ċerti elementi fi ħdanu - il-Knisja, l-ġudikatura/avukati, ċerta sezzjoni tal-midja - speċjalment dik bl-Ingliż u kontra dawk kollha assoċjati, inkluż Daphne Caruana Galizia u s-segwaċi tagħha.
Mela allura f'għajnejn ħafna Laburisti Muscat jibqa' l-vittma ta' attakki minn Nazzjonalisti u minn dawk kollha li dejjem kellhom antipatija lejn il-Labour, lejn ix-xellug u lejn il-ħaddiem. Mintoff bena' l-qawwa tiegħu permezz tal-avversarji qliel li kellu u Muscat l-istess għamel.
Il-Laburisti jaraw f'Muscat persuna li "gidbu fuqu" u fuq il-familja tiegħu, speċjalment minħabba Egrant. Fil-fatt mhux xi sigriet li minkejja illi ħafna ħasbu li l-effett tal-istorja ta' Caruana Galizia li kienet tallega illi Egrant hija ta' Michelle Muscat kienet se twassal għall-kollass fl-appoġġ lejn Muscat, il-kuntrarju kien il-każ hekk kif Muscat baqa' b'appoġġ li jaqbeż il-35,000 vot fl-2017.
L-attakki kienu ta' sikwit ukoll isiru fuq it-tfal, kemm jekk fuq l-għażla ta' isimhom, kemm għax ġieli kienu jidhru pubblikament ma' Muscat u f'dan il-każ għax saħansitra ġew ikkonfiskati l-mobiles tat-tfal. Kull darba li jidħlu it-tfal fix-xena, Muscat jissaħħaħ b'aktar qawwa.
Abela - fit-tentattivi tajbin u meħtieġa tiegħu - biex jibni l-pontijiet, saħansitra mal-familja ta' Daphne Caruana Galizia kif ukoll ma' xi ħadd bħal Metsola, qed jonqos milli jibni l-immaġini tal-vittma li kontrih qed jiġġieled l-avversarju. Il-fatt li l-avversarji tal-PL mhumiex qed jattakkaw lil Abela daqs kemm kienu jattakkaw u jikkritikaw lil Muscat, ifisser li l-Mexxej Laburista kurrenti ma jistax jilħaq l-istess sens ta' lealtà li għandu sal-lum Muscat.
Għax Muscat ma kellux l-intoppi, l-isfidi u l-problemi nazzjonali kontinwi li sab ma' wiċċu Robert!
Il-fatti jibqgħu li minkejja illi Muscat sab oppożizzjoni qalila kontrih, ma kellux jiffaċċja l-agħar kriżi li qatt iffaċċjat Malta (u d-dinja) permezz ta' pandemija u lanqas kellu jiffaċċja t-test tal-FATF, li parzjalment jaf ma għaddejnihx minħabba l-pożizzjoni li ħa hu stess fil-konfront ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. Muscat lanqas kellu l-prezzijiet tal-ġwież u l-qamħ u l-elettriku u l-fjuwil telgħin bħal ma għandu Abela llum.
Fi ftit kliem l-isfidi li qed jiffaċċja Abela llum li jirrikjeduh jieħu deċiżjonijiet diffiċli ħafna u fil-ħin, id-deċiżjonijiet dwar il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, ma kellux jeħodhom Muscat. Huwa faċli li żżomm l-appoġġ u s-saħħa tal-vapur meta t-temp huwa tajjeb imma meta jibda l-maltemp kull deċiżjoni ser iġġiblek kritika, reżistenza, problemi u tgergir.
Għalkemm probabbilment il-maġġoranza tal-poplu jirrealizza dan, xorta jibqa' fatt li l-feel-good-factor ta' żmien Muscat ma għadux hawn u l-ingassa tal-FATF issa bdiet tagħfas, filwaqt li l-kawżi l-Qorti fuq l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia jew chats li Fenech kellu ma' membri tal-Kabinett fi żmien Muscat, issa ħerġin!
Għal Abela t-triq kienet għat-telgħa u għat-telgħa, iktar għedewwa tagħmel milli ħbieb.
"Għax Muscat oratur kbir u għamel il-ġid!"
Finalment wieħed ma jistax ma jsemmix il-preġji ta' Muscat bħala raġuni għall-appoġġ li għandu.
L-ewwelnett Muscat ġab fil-pajjiż bidliet soċjali li sa qabel l-2013 lanqas qatt ma konna nemmnu li jseħħu - primarjament unjoni ċivili u wara żwieġ ugwali bejn persuni tal-istess sess. Sussegwentement Muscat ġab bidliet oħrajn f'dan il-qasam, bħall-Liġi tal-Ġeneru u l-ewwel bidliet fil-Liġi tal-IVF.
Muscat mexxa Gvern li ftit li xejn żied taxxi diretti u li ppresieda pajjiż fejn kien hawn tkabbir ekonomiku qawwi u l-flus kien qed jiġu ġġenerati sew għan-negozji. Il-kostruzzjoni, it-turiżmu u setturi oħrajn bdew jaraw rekord fuq rekord ta' negozju filwaqt li l-qgħad kien fl-inqas livelli.
Muscat kien ukoll oratur eċċellenti, xi ħaġa li kulħadd jammetti - anke l-akbar avversarji tiegħu. Kien tgħallem kif jgħaddi l-messaġġ b'mod effettiv u bl-aktar mod emottiv. L-oratrija mhix kollox, imma hija importanti jekk trid li l-messaġġ tiegħek jasal u Muscat kien jafha din u ħadem fuqha bil-kbir.