Aġġornata: Il-PN jiddikjara bojkott fuq il-kumitat immexxi minn Rosianne Cutajar
... jgħid li din kienet mozzjoni li l-Gvern ressaq bil-moħbi
More in Politika
... jgħid li din kienet mozzjoni li l-Gvern ressaq bil-moħbi
Il-Partit Nazzjonalista għadu kif ħabbar li hu mhux se jkun qed jipparteċipa fil-kumitat imexxi minn Rosianne Cutajar.
Il-kumitat inkwistjoni hu l-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa, li kien imexxi d-Deputat Laburista Silvio Grixti.
Dan ifisser li l-istess kumitat li kien qabel immexxi minn Membru Parlamentari li f’Diċembru rriżenja mill-parlament - wara interrogazzjoni tal-pulizija marbuta ma’ investigazzjoni dwar ċertifikati ta’ mard foloz -, issa se jkun imexxi minn Deputat Laburista oħra li nstabet ħatja ta’ ksur tal-etika.
Il-PN sostna permezz ta' stqarrija li ma kien hemm l-ebda qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex Rosianne Cutajar tieħu din il-pożizzjoni. "Din kienet mozzjoni li l-Gvern ressaq bil-moħbi," qal il-PN.
Għal PN dan ifisser li "Robert Abela wera disprezz sfaċċat lejn l-istituzzjonijiet billi ħatar lil Rosianne Cutajar wara li aktar qabel kienet imġiegħla tirriżenja mill-kariga tagħha fil-Kabinett." Skont il-Partit allura dan juri "x’għandna nistennew jekk Robert Abela jirbaħ l-elezzjoni li jmiss."
Il-Partit Nazzjonalista tenn il-pożizzjoni tiegħu li Rosianne Cutajar mhix tajba għal kariga pubblika u m’għandhiex tiġi promossa għal irwol bħal dan, anke jekk għad fadal biss ftit ġimgħat għall-elezzjoni ġenerali. dan filwaqt li fakkar li l-istess Deputat mhix kwalifikata għal din il-kariga.
Intant il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li "huwa se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ biex idaħal fis-seħħ 12-il Abbozz ta’ Liġi li jiġġieldu l-korruzzjoni, il-kriminalità finanzjarja u l-mafja biex ħadd mill-gvern Laburista ma jaħrab il-ġustizzja."
''Yes Sir' qal Bernard Grech lill-Repubblika meta ħabbar li se jibbojkotja l-kumitat' - Partit Laburista
Il-Partit Laburista fil-pront iwieġeb l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalist b'stqarrija oħra min-naħa tiegħu. Il-Partit Laburista wieġeb jgħid li d-deċiżjoni ta' Bernard Grech li jibbojkotja l-kumitat tikkonferma biss li "mhux hu qiegħed imexxi il-Partit Nazzjonalista."
Fil-fatt l-istqarrija tal-PL tispjega kif ftit iktar minn tnax -il siegħa wara li Repubblika kkritikaw kif "l-Oppożizzjoni ma oġġezzjonatx għal din il-ħatra u nistennew li tispjega l-pożizzjoni tagħha", Bernard Grech ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jirtira mill-kumitat.
"Bernard Grech wieġeb ‘Yes Sir’ minnufih u ħabbar li issa l-Partit Nazzjonalista se jibbojkotja l-kumitat," sostna il-PL.
Il-Partit Laburista temm jgħid li d-deputat Rosianne Cutajar ħallset prezz politiku bir-riżenja mill-eżekuttiv u dan juri li "l-aġir tal-Partit Nazzjonalista llum hu aġir li jixhed partit li jrid biss ikisser u mhux jipproponi."