‘Nemmen ħafna fit-teknokratiċi ... l-amministrazzjoni għandha tkun f’idejn nies li jifhmu fis-setturi’

Id-Deputat Oliver Scicluna intervistat mill-gazzetta ILLUM. Jisħaq li Robert Abela huwa dak li jista’ jerġa’ jqarreb il-PL lejn is-soċjaliżmu u jipproponi wkoll li jitneħħew id-distretti elettorali u jkun hemm lista waħda ta’ kandidati għall-pajjiż kollu

Sena wara li daħal fil-Parlament, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mad-Deputat Oliver Scicluna u tkellmet miegħu dwar l-esperjenza tiegħu fil-politika u dwar kummenti li għadda fl-aħħar jiem dwar il-klijenteliżmu u l-bżonn ta’ riforma elettorali.

Bdejna nitkellmu ma’ Scicluna fuq l-esperjenza tiegħu fl-aħħar sena, bid-Deputat jisħaq li anke jekk kien hemm persuni li kienu jħeġġuh jidħol fil-politika, hu dejjem ħass li din mhijiex it-triq tiegħu.

Fi kliemu, l-aħbar li l-Prim Ministru xtaq li hu jkun co-opted fil-Parlament kienet “bħal sajjetta fil-bnazzi” għax ma kienx qiegħed jistenniha. 

“Jiena bniedem irrispettat min-Nazzjonalisti u l-Laburisti. Bħala Kummissarju għad-Diżabbilità kont irrispetatt anke mill-Oppożizzjoni. Meta tissieħeb ma’ partit, ikun hemm min jibqa’ jħares lejk bl-istess mod, imma jkun hemm min ibiddel il-fehma tiegħu. Għad għandi ħbieb Nazzjonalisti li għadhom jirrispettawni imma jgħiduli li mhux posti hawn,” insista.

‘Il-politika għalija kienet u għadha sfida’

Minkejja li issa huwa Deputat u daħal ukoll fl-istrutturi tal-Partit Laburista, Scicluna jqerr mal-ILLUM li għadu jħossha diffiċli biex jaġixxi bħala politiku.

“Il-politika f’Malta hija wisq partiġġjana u jiena dik ma tantx inħobbha. Għalija din kienet u għadha sfida. In-nies drawni. Kritika nagħmilha u bħala backbencher obbligat nagħmilha. Nagħmilha b’mod ġust għax verament irrid nara Gvern b’saħħtu,” saħaq Scicluna. “Jiena miniex yes man. In-nies jafu li jiena nitkellem b’mod onest. Jista’ jkun li xi drabi nispara f’sieqi imma nippreferi hekk.”

Ġaladarba huwa jisħaq li qatt ma kien jimmaġinah fil-politika, l-ILLUM tistaqsih x’fettilu jaċċetta li jiġi co-opted, aktar u aktar meta daħal f’waħda mill-aktar leġislaturi mqallba fl-istorja. 

“Ma dħaltx fl-isbaħ żmien.” ammetta Scicluna. Insista li aċċetta t-talba ta’ Robert Abela għax kellu fiduċja fih. Qal li qabel daħal fil-Parlament, kellu ċ-ċans jara lil Abela jmexxi fi żmien diffiċli u bla preċedent tal-pandemija u seta’ jafdah anke għax hu jemmen ħafna fil-politika soċjalista.

Kien hawn li l-ILLUM tfakkru li hawn min jakkuża lill-Partit Laburista li mexa lilhinn mill-għeruq soċjalisti tiegħu.

“Imma żgur ukoll li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex soċjalista. Allura bla dubju nibqa’ aktar inklinat lejn il-PL,” saħaq Scicluna.

‘Robert Abela jista’ jerġa’ jqarreb lill-PL lejn is-soċjaliżmu’

Insista li l-Partit Laburista ħoloq ħafna ġid, speċjalment fost iż-żgħir u dawk l-aktar batuti.

“Jiena kien idejjaqni ftit il-fatt li konna nitkellmu ħafna fuq pro-business. Imma fl-istess ħin, għax ġie mgħejjun in-negozju, l-ekonomija ssaħħet u għalhekk il-Gvern seta’ jgħin aktar lil dawk fil-faxxa ta’ isfel,” saħaq id-Deputat.

Kompla li hu jemmen ħafna li Robert Abela huwa dak li jista’ jerġa’ jqarreb lill-Partit Laburista lejn is-soċjaliżmu. Fi kliemu, prova ta’ dan huma deċiżjonijiet li ħa biex jgħin gruppi żgħar ta’ nies.

Fakkar pereżempju fl-iskema New Home għal dawk il-persuni li jkunu jridu jixtru post u minħabba kundizzjonijiet li kellhom, kienu qed jispiċċaw ma jingħatawx life insurance.

“Mhux nitkellmu fuq eluf ta’ nies. Qed nitkellmu fuq politika għall-ftit li jiena nħobbha ħafna. Għall-ftit, jiġifieri għall-batut mhux għas-sinjur. Nagħmilha ċara u tonda. Jiena dħalt fil-politika mhux għal min hu għaddej tajjeb imma għall-batut. Dik hija l-politika. Li nagħtu l-għodod lin-nies biex ikunu kapaċi jgħixu indipendenti mill-għajnuna tal-Gvern,” kompla jisħaq.

Semma wkoll il-mediċina li l-Gvern qed joffri lil dawk li jbatu minn Cystic Fibrosis. Scicluna saħaq li meta persuna spjegatlu kemm tiswa l-mediċina beda jaqta’ qalbu, iżda insista li l-Prim Ministru kien determinat mill-ewwel li jagħtiha.

“Hemm xi għoxrin ruħ li jbatu minn din il-kundizzjoni. Abela kien deċiż li jgħinhom. Dik tagħmilli kuraġġ għax ngħid li l-Prim Ministru għandu qalbu maż-żgħir. Ma jimpurtax kemm hemm nies. L-aqwa li ngħinuhom,” saħaq Scicluna.

Kien hawn li saħaq li huma dawn l-affarijiet li jagħmlulu kuraġġ biex jibqa’ fil-Partit Laburista, anke jekk dan ma jfissirx li jabqel ma’ kull ma jsir.

“Hemm affarijiet li nitkellimhom fl-istrutturi tal-Partit u hemm oħrajn li jitkellem fuqhom fil-pubbliku,” insista.

Tkellimna fuq il-famuża co-option li biha huwa daħal fil-Parlament. Wara li kien irriżenja Edward Scicluna minn Deputat, Gavin Gulia kien elett f’elezzjoni każwali iżda rriżenja minuti biss wara li ħa l-ġurament. Kien għalhekk li l-PL għażel lil Scicluna b’co-option.

‘Qiegħed hawn mhux biex naqdi lill-PL imma lin-nies’

L-ILLUM staqsiet lil Scicluna jekk jaħsibx li din il-mossta kienet inġusta, anke għax dan ifisser li hu qed jieħu post oħrajn li n-nies ivvotaw għalihom. 

“Hemm min jizzikani fuqha. Jista’ jkun li qed nieħu post ħaddieħor. Aħna nissejħu onorevoli u tkun onorevoli skont kif taġġixxi. Nemmen li f’dawn l-aħħar tnax-il xahar mxejt ta’ onorevoli lejn in-nies. Il-Partit Laburista sellifli dan is-siġġu, imma daqslikieku tellawni n-nies. Qiegħed hawn mhux biex naqdi lill-Partit Laburista imma biex inkun il-vuċi tan-nies hemm barra,” saħaq Scicluna. “Qed inkun leali lejn il-ġurament li ħadt u lejn in-nies. Issa fl-elezzjoni li ġejja n-nies se jkollhom l-għażla.”

‘Deputati u kandidati b’diżabbilità għandhom jingħataw assistent personali’

Qlibna d-diskors u tkellimna fuq is-settur li huwa ħafna għal qalbu, jiġifieri s-settur tad-diżabbilità. Saħaq li l-Parlament huwa aċċessibbli ħafna, kemm mill-aspett tal-istaff u anke l-istruttura.

“Jiena naħdem daqs kull membru Parlamentari ieħor. Immexxi l-Kumitat Permanenti tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u jiena attiv ħafna fil-Kamra,” insista. 

Mill-banda l-oħra saħaq li l-ħajja politika toffri ħafna sfidi lill-persuni b’diżabbilità bħalu, bħad-Deputat Kevin Cutajar u anke kandidati li jkunu se jikkontestaw l-elezzjoni.  

“Politiċi oħra jagħmlu d-door to door. Jiena nagħmel, imma hemm limitu. Kandidat ħabib tiegħi, li juża s-siġġu tar-roti, isibha diffiċli. Għandu nofs id-distrett mhux aċċessibbli. Allura jista’ jkun fi żvantaġġ,” insista. “Kevin Cutajar ma jsuqx u allura jrid min-nies.”

Kien għalhekk li saħaq li persuni b’diżabbilità li jidħlu fil-politika, ġaladarba, f’dan is-sens, huma żvantaġġati, għandhom jingħataw għajnuna. Qal li ma jemminx li għandu jkun hemm xi kwoti, għax hu jrid jiġi elett bil-kapaċità tiegħu, imma almenu jkun hemm miżuri li jgħinuhom.

Scicluna qed jipproponi li kull Deputat b’diżabbilità u l-kandidati rreġistrati, jingħataw assistent personali biex ikun jista’ jgħinhom.

“Li jkollna xi ħadd magħna full-time, biex jgħinna, ma naħsibx li nkunu qed nisirqu mit-taxxi tan-nies,” insista Scicluna. Fakkar li dan huwa mniżżel fl-istrateġija nazzjonali imma ma jistax jifhem għaliex fuq xi ħaġa sempliċi hekk, għandu jkun hemm it-tkaxkir tas-saqajn.

‘L-aċċessibbilità mhux titjib ... bil-kostruzzjoni għamilna ġungla’

Anke qabel daħal fil-politika, l-ILLUM tkellmet diversi drabi ma’ Scicluna fuq l-aċċessibbilità fil-lokalitajiet għall-persuni b’diżabbilità. L-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx li sar titjib.

“Mhumiex aċċessibbli. Mill-2011 sal-2014 kont immexxi għaqda u konna nitkellmu fuq l-aċċessibbilità. Mhux se nkun ġifa u għax qiegħed mal-Labour ngħidlek li tjiebet. Saru affarijiet żgħir. Il-Gvern kien għamel avviż legali kuraġġuż rigward l-aċċessibbilità imma mhux qed ninfurzawh,” wieġeb.

Qal li huwa jemmen li għandha ssir analiżi serja tal-aċċessibbilità f’kull lokalità. 

“Inkunu qed niffaċċilitaw il-ħajja mhux biss għall-persuni b’diżabbilità imma anke għall-anzjani u s-sigurtà ta’ kulħadd. Bil-kostruzzjoni li kellna fl-aħħar snin, ġungla għamilna. Qlajna bankini u jew bqajna mingħajrhom jew imlejnihom rampi għall-garaxxijiet u ġibnihom qishom roller coaster. Irid ikollna uniformità. Bankina nħalluha għan-nies biss u mhux issir għall-imwejjed u s-siġġijiet. Mhux nitlob ħafna,” insista.

Kompla jinsisti li kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu. Fi kliemu, anke l-mod kif jiġi mormi l-iskart filgħodu, irendi diversi bankini mhux aċċessibbli.

‘Persuni b’diżabbilità għandhom ikunu inklużi fid-diskussjonijiet dwar l-oqsma kollha’

Scicluna saħaq ukoll li għalhekk huwa importanti li l-persuni b’diżabbilità jkunu inklużi fid-diskussjonijiet fl-oqsma kollha.

Semma pereżempju d-diskussjoni dwar miżuri ta’ mitigazzjoni  għall-isfida tat-tibdil fil-klima. Saħaq li l-pajjiż tkellem fuq kollox, ħlief l-impatt tal-miżuri fuq il-persuni b’diżabbilità.

“Nieħdu l-karozzi elettriċi. Persuni b’diżabbilità diġà tonfoq aktar biex tixtri karozza li taħdem bil-fjuwil, aħseb u ara biex tixtri karozza li taħdem bl-elettriku u li tkun addattata għaliha,” spjega. “Persuni bħali u bħal Kevin għandna nkunu inklużi fid-diskussjonijiet kollha. Il-politiċi kollha jridu jifhmu li l-persuni b’diżabbilità huma fl-akbar minoranza.”

Appella biex il-pajjiż jibda jitkellem fuq is-settur tad-diżabbilità, bl-istess serjetà u professjonalità li bihom jitkellem fuq is-settur tal-enerġija, l-ambjent, l-infrastruttura u oħrajn.

Klijenteliżmu: ‘F’Malta l-politiku saru qisu ċelebrità’

Fl-aħħar jiem, Scicluna tkellem ukoll kontra l-klijenteliżmu u saħaq li jħossu ħażin kull darba li jmur xi ħadd għandu u jgħidlu: “jekk taqdini naħseb fik.” Iżda tagħtihom tort lin-nies meta kważi kulħadd jaf lil xi ħadd li ngħata xi mpjieg bis-saħħa ta’ xi Ministru? Dawn il-ħafna uffiċini fil-lokalitajiet, b’wiċċ il-Ministru, mhux qegħdin hemm għall-estetika biss.

Insista li hu jitkellem kif jitkellem għax jixtieq jara lil kulħadd jimxi ‘l quddiem mingħajr ma jkollu bżonn imur għand il-Ministru jew il-politiku.

“Qed ngħid politiku għax hawn min imur anke għand tal-Oppożizzjoni u dawn imorru għand il-Ministru. Dawn l-affarijiet ilhom isiru,” saħaq. “Jiena għandi uffiċċju u allaħares ma jkunx hu għax in-nies ikunu jridu jiltaqgħu miegħek. Hemm min jiġi biex jitkellem u jgħidlek l-ideat tiegħu. Oħrajn anke biex ngħinhom jimlew xi applikazzjoni imma jiġu oħrajn għall-pjaċiri,” saħaq.

Insista li dan kollu jikkonferma kemm f’Malta, il-politiku spiċċa daqslikieku kienu xi “ċelebrità.”

“Jiena nħossni skomdu. Noffendi ruħi meta jgħiduli biex naħseb fihom, għax jiena minn dejjem kont ngħin lin-nies anke meta kont Kummissarju. Dak iż-żmien ma kontx nagħmilha għall-vot,” saħaq. 

Insista li l-politiku jrid jifhem li qiegħed fil-politika biex iservi u n-nies jeħtieġ jifhmu li mhumiex obbligati lejn il-politiku.

“Il-vot huwa tagħhom u jagħmlu li jridu bih,” saħaq Scicluna. “Meta xi ħadd jgħidli li se jaħseb fija, jiena ngħidlu li l-vot huwa tiegħu. Jekk se ngħinek, se ngħinek għax irrid mhux biex tivvotali.”

Saħaq li l-Perit Michael Falzon, f’artiklu fuq ġurnal, iddeskrivih bħala kuraġġuż imma “naive.” Wieġeb li mhuwiex “naive” għax jaf li jista’ jkun li qed jispara f’saqajh. 

“Naive għax nitlef is-siġġu fil-Parlament? B’daqshekk! Jiena rrid lin-nies jivvotaw għal dak li jien,” saħaq.

Għadma iebsa fit-tieni distrett...

Iżda l-ILLUM tistaqsih jekk jaffordjax li jaħsibha hekk meta fuq it-tieni distrett għandu kandidati bħall-Ministru Clyde Caruana, il-Whip Glenn Bedingfield, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius u issa wkoll is-Sindku Bormliża Alison Zerafa Civelli, oħt mart il-Prim Ministru.

“Jiena hekk magħmul. Jiena politiku ġdid u dak huwa l-mod kif nagħmel il-politika. Issa n-nies għandhom ċans li jagħżlu. Politiċi li jridu jimxu b’mod ġdid jew oħrajn,” insista waqt li saħaq li n-nies tat-tieni distrett ma għadhomx nies ta’ wara l-muntanji jew Laburisti li moħħhom biss fil-pjaċiri. 

‘Inneħħu d-distretti ... lista waħda ta’ kandidati għall-pajjiż kollu’

Scicluna tkellem ukoll dwar id-distretti elettorali u saħaq li Malta hija żgħira wisq biex ikollha tlettax-il distrett. Imma x’irid jgħid biha u x’differenza se tagħmel?

Fakkar li kull distrett għandu madwar 26,000 ruħ b’lista infinita ta’ kandidati u kull kandidat irid jiekol minn dawn is-26,000 vot. Fi kliemu, jekk se twessa’, vera li se jkollok lista akbar ta’ kandidati, imma almenu, kandidat partikolari, mhux jispiċċa jimportah biss minn distrett wieħed.

“Jiena nemmen li għandna nneħħu d-distretti u jkun hemm lista waħda ta’ kandidati bħal meta nivvotaw għall-MEPs. Hekk, Oliver Scicluna, mhux jimpurtah biss mit-tieni jew ir-raba’ distrett imma minn Malta kollha,” insista. “Il-Lussemburgu kważi daqs Malta u maqsum f’sitt distretti.”

Insista li dan kapaċi jnaqqas il-klijenteliżmu u kapaċi jagħmel ukoll lill-politiku aktar viċin in-nies. Fakkar li l-MEPs ma jaqtgħux qalbhom u jduru kullimkien.

“Jiena nsegwi ħafna lit-tliet MEPs żgħar tal-Labour u dawn iduru s-sena kollha mhux fl-elezzjoni biss. Jiena jdejjaqni l-fatt li l-politiku jiġi jħabbatlek il-bieb biss qabel l-elezzjoni,” saħaq.

‘Mhuwiex iż-żmien li Minsitru jidħol f’Ministeru qisu student’

Oliver Scicluna jerġa’ jkun elett u l-Prim Ministru jinkludih fil-Kabinett. F’liema settur jixtieq jaħdem?

Scicluna saħaq li jħalli f’idejn il-Prim Ministru iżda insista li hu ma jaċċetta qatt li jieħu rwoli li ma jifhimx fihom.

“Mhuwiex iż-żmien li Minsitru jidħol f’Ministeru qisu student. Il-Prim Ministru jaf fejn jiena kompetenti u għalhekk, l-aqwa għażla għalih u għall-pajjiż, hija li nkun f’qasam li jien kompetenti fih,” insista.

Kien hawn li saħaq li hu għalhekk jemmen fit-teknokratiċi għax, fi kliemu, dawn jidħlu fl-irwol b’viżjoni. 

Semma pereżempju lill-Ministru Clyde Caruana u saħaq li anke jekk qiegħed hemm b’co-option, huwa l-aħjar għażla biex ikun Ministru għall-Finanzi, l-istess bħalma Chris Fearne huwa l-aħjar għażla għall-Ministru tas-Saħħa u Edward Zammit Lewis biex imexxi l-qasam tal-ġustizzja.

“Caruana huwa kandidat fid-distrett tiegħi imma nfaħħru. Bla xenxilli imma jaf x’inhu jagħmel. Il-pajjiż jitlef jekk ma jkunx hemm xi ħadd bħalu. Nemmen ħafna fit-teknokratiċi. Parlament bl-avukati biss, ma jmexxix pajjiż. Hawn vera ngħaddu l-liġijiet imma l-amministrazzjoni għandha tkun f’idejn persuni li jifhmu fis-setturi,” temm jisħaq id-Deputat.

More in Politika