'Fuq il-VGH dejjem imxejt fuq id-direzzjoni tal-PM Muscat' - Konrad Mizzi jitlaq 'il barra mill-PAC

L-eks Ministru jiċħad li qatt kellu relazzjoni ma' 17 Black u Macbridge u li qatt kien imdaħħal f'korruzzjoni b'rabta ma' proġett fil-Montenegro

L-eks Ministru Konrad Mizzi quddiem il-PAC
L-eks Ministru Konrad Mizzi quddiem il-PAC

Meta kien qed jitkellem quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Kontijiet Pubbliċi l-eks Ministru Konrad Mizzi sostna li fuq il-VGH huwa dejjem mexa' mad-direzzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u sostna li huwa qatt ma kien involut fil-Memorandum of Understanding mal-istess VGH. Hu jgħid ukoll li l-Awditur Ġenerali "ma sab l-ebda xamma ta' korruzzjoni f'dan il-proġett." 

Mizzi sostna li hu kien mar ma' Chris Fearne - dak iż-żmien Segretarju Parlamentari għas-Saħħa - biex jiġu ppreżentati l-proposti tal-proġett skont l-MOU imma kien deċiż li dan ma jagħmilx sens u għalhekk inbidel il-proġett biex jinkludi wkoll l-Isptar San Luqa, l-Isptar ġenerali ta' Għawdex u l-Isptar ta' Barts. 

Konrad Mizzi, fi tmiem diskors twil ħafna li dam għaddej kważi tliet sessjonijiet u li fih tkellem dwar il-proġett tal-Electrogas, ċaħad li hemm rabtiet bejnu u 17 Black. "Jiena qatt ma kelli relazzjoni ma' 17 Black u Macbridge u dan ikkonfermah Brian Tonna taħt ġurament. Qatt ma rċevejt jew kont se nirċievi flus minnha u qatt ma kont involut f'korruzzjoni f'Power Stations jew fil-Montenegro." Huwa kien qed jirreferi għall-proġett tal-imtieħen tar-riħ fil-Montenegro li inxtraw minn Cidifex, li imbagħad biegħet il-Wind Farm lill-Enemalta għal madwar €7 miljun aktar, b'madwar $4 miljuni jispiċċaw f'17 Black - kumpanija ta' Yorgen Fenech. 

Mizzi qal li mhu vera xejn li huwa irċieva miljuni fil-Bank Pilatus u li dan ikkonfermatu l-Qorti, filwaqt li qal ukoll li hija gidba l-allegazzjoni ta' xi bagalji ta' flus mill-Ażerbajġan. Huwa ċaħad ukoll li ċempel lill-Prim Ministru fl-aħħar sigħat.

Intant malli bdew jistaqsu l-mistoqsijiet id-Deputati tal-Oppożizzjoni, fosthom meta sar jaf lil Joseph Muscat u kif kien ħareġ għall-elezzjoni - dawn il-mistoqsijiet sabu l-ilmenti ta' Mizzi għax ma għandhom xejn x'jaqsmu mar-rapport dwar il-proġett tal-Electrogas. Wara kważi nofsiegħa ta' battibekki, Mizzi ħareġ 'il barra mill-Kumitat sakemm kien ordnat lura. 

Huwa talab ruling mingħand l-Ispeaker dwar il-linja ta' mistoqsijiet li kienu qed jiġu mistoqsija.

"Mhux se npaxxikom, xejn... sakemm ikollna r-ruling mill-Ispeaker mhux se nirrispondikom... dawn il-mistoqsijiet mhux f'posthom! Le mhux se npaxxikom fl-aġenda tagħkom" baqa' jirrepeti Mizzi li baqa' jinsisti li ma jwieġeb xejn sakemm l-Ispeaker jideċiedi fuq ir-ruling li talab. 

Id-Deputati Nazzjonalisti bdew jistaqsu Tom Leonard hux ħabib tiegħu u ġabux hu Malta biex jagħmel il-preżentazzjoni tal-proġett tal-Power Station. Iżda Mizzi baqa' jinsisti li jistenna r-ruling u baqa' jesiġi wkoll li jkun mistoqsi dwar ir-rapport in kwistjoni li dwaru qed issir din is-sessjoni.

Is-sessjoni kienet immarkata bit-tgħajjir u l-għajjat kontinwu, bid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jgħajjar lil Mizzi lagħqi u Konrad Mizzi jisħaq li Aquilina huwa pastażun

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika