'Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha tingħata darbtejn fis-sena' - ADPD

Sandra Gauci tisħaq li miksin min bil-paga minima jrid jipprova jkampa xahar sħiħ speċjalment dawk li għandhom xi allerġiji għal ikel partikolari u dawk bi trabi u tfal żgħar

Id-Deputat Segretarju Ġenerali u kandidata tal-ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet li bħalissa kulħadd qed jinnota żieda fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali għall-ħajja. M’aħniex qed nitkellmu fuq kapriċċi imma neċessitajiet bħall-ikel."

Kull xahar dan il-piż qed ikompli aktar jagħfas l-isfel lill-batut li l-uniku kapriċċ li baqagħlu hu li jitrejjaq. Imsieken min bil-paga minima jrid jipprova jkampa xahar sħiħ speċjalment dawk li għandhom xi allerġiji għal ikel partikolari jew dawk li għandhom trabi u tfal żgħar, meta l-prezzijiet ta’ affarijiet bħal ħrieqi u trab tal-ħalib komplew jisparaw ‘l fuq. Filwaqt li l-gvern ma għandux kontroll dwar x’jiġri barra minn Malta, iva għandu kontroll dwar x’jiġri Malta.", tgħid Sandra Gauci. 

Gauci tgħid li meta ħaddiem jew self-employed bil-paga qed tara kif se tkampa u fl-istess ħin jkollok nies qrib ministri li jkollom kuntratti ta’ €163,000 Euro bħal fil-każ tas-CEO tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi li taqa’ taħt il-kontroll tal-Ministeru tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Hija kompliet tgħid li, "minflok ma turu galbu lejn il-flus tal-poplu qed tisparpaljaw il-kaxxa ta Malta għall-ħbieb tal-qalba filwaqt li l-ħaddiem onest li jaqlagħha u jiekolha qiegħed dejjem ikompli jitgħaffeg u jiġi insulentat b’żieda ta’ €1.75. Aħna qed nitolbu li fiċ-ċirkustanzi attwali li qed iwasslu għal żieda kbira fil-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali din iż-żieda għandha  issir darbtejn fis-sena. ”

Minn naħa l-oħra ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo qal li l-bżonn ta’ dħul diċenti minimu huwa punt importanti għal dawk kollha li għandhom kuxjenza soċjali.

"Fiż-żminijiet ta’ bħalissa dan jkun aktar importanti speċjalment meta l-prezzijjiet ta’ oġġetti essenzjali qegħdin jisparaw ‘il fuq, kważi bla kontroll. Fost il-ħtiġijiet essenzjali milquta hemm il-ħobż, il-ħalib, l-għaġin u l-butir," spjega Cacopardo.

Tliet studji ppublikati mill-Caritas urew li hemm differenza dejjem tikber bejn il-paga minima uffiċjali u d-dħul bażiku meħtieġ għal għajxien diċenti ta’ tliet kategoriji ta’ familji vulnerabbli. Fil-każ ta’ familja b’żewġ adulti u żewġ t’itfal fis-sena 2020 din id-differenza kienet dik ta’ 40%. Il-paga minima mhix suffiċjenti biex tgħix.

Iż-żieda kurrenti fil-prezzijiet ta’ bżonnijiet essenzjali ta’ madwar 25 fil-mija (u f’diversi każijiet ħafna iktar) tħasseb lill-ADPD ukoll għar-rigward kif jingħataw iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja. Dawn iż-żidiet fil-pagi u pensjonijiet li jingħataw fil-bidu tas-sena jirrifletti dak li jkun seħħ fit-tnax-il xahar ta’ qabel.

L-ADPD temmen li wasal iż-żmien li ma nibqgħux infaddlu dawn iż-żidiet sal-aħħar ta’ sena biex imbagħad naġġustaw il-paga minima u l-pensjonijiet f’Jannar ta’ wara. ADPD jidhrilha li l-aġġustament  fil-paga minima u l-pensjonijiet għall-għoli tal-ħajja għandha tibda ssir darbtejn fis-sena – lejn l-aħħar ta’ Ġunju u fi tmiem is-sena. Fi żminijiet ta’ żieda esaġerata fil-prezzijiet  din il-miżura tista’ tagħmel differenza kbira lil dawk vulnerabbli u fuq dħul baxx.

"Hemm bżonn ukoll li l-baskett ta’ prodotti u servizzi li bih jitkejjel l-għoli tal-ħajja jkun aġġornat regolarment biex ikun assigurat li l-kejl tal-għoli tal-ħajja huwa wieħed reali li jirrifletti il-bżonnijiet tal-mument," qal Cacopardo.

More in Politika