L-eks Sindku Laburista tar-Rabat u issa kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Charles Azzopardi, akkuża lill-Partit Laburista li tilef l-għeruq soċjali tiegħu u dan wara rapporti li l-kumpanija legali tal-Prim Ministru Robert Abela, f'sitt snin, kienet qed tieħu €17,000 fix-xahar għas-servizzi mogħtija lill-Awtorita tal-Ippjanar.
Ir-rapport fuq The Times of Malta jispjega kif dan il-kuntratt kien l-ewwel mogħti lil George Abela, missier il-Prim Ministru, fi żmien Gvern Nazzjonalista fl-2001.
Meta l-kuntratt skada fl-2011, l-Awtorità tal-Ippjanar estendiet dan il-kuntratt permezz ta’ direct orders mogħtija lil Abela Advocates.
Il-kuntratt kien ta’ €7,376 fix-xahar bejn l-2013 u l-2015, imma eventwalment dan l-ammont żdied għal €12,292 fix-xahar meta l-kumpanija legali Abela Advocates bdiet ukoll tirrapreżenta lill-Awtorità tal-Ippjanar fl-appelli quddiem it-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Bejn l-2018 u l-2019, dan il-kuntratt żdied għal €17,110 fix-xahar.
“Il-Partit Laburista tilef l-għeruq soċjali tiegħu,” insista Azzopardi waqt li saħaq li dan il-Gvern moħħu biss biex jakkomoda u jaqdi lil dawk viċin tiegħu.
Insista li dan mhuwiex il-Partit Laburista li jaf hu.
“Dan il-moviment tela’ fil-Gvern għall-interessi tiegħu. Ma nistgħux nippermettu li jibqgħu sejrin hekk. Irridu nagħtuhom sinjal bil-vot tagħna,” insista Azzopardi.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-kandidat Jerome Caruana Cilia li saħaq li l-Prim Ministru huwa maqtugħ mir-realtà tal-ħaddiema għax jgħix biss fil-lussu.
Huwa spjega kif €17,000 fix-xahar ifissru żewġ pagi minimi f’daqqa.