Il-Gvern Russu jimblokka Facebook u ftit wara anke Twitter 'b'ritaljazzjoni'

Nick Clegg minn Meta qal illi dan se jfisser li miljuni ta' Russi se jinqatgħu minn informazzjoni oġġettiva u affidabbli u b'hekk il-Gvern Russu se jkun qed iċaħħad lil ħbieb u familji milli jikkomunikaw

Ir-Russja blukkat il-Facebook b'mod assolut b'ritaljazzjoni għal din il-pjattaforma li naqqset l-aċċess u għamlet restrizzjonijiet fuq il-midja tal-Istat Russu. Ftit wara r-Russja mblukkat ukoll Twitter, bir-regolatur tal-Istat stess jikkonferma dan. 

Dan seħħ wara li Facebook flimkien ma' Instagram aktar kmieni illum neħħew lil Russia Today u lil Sputnik mill-pjattaforma Ewropea u anke Ingliża. 

Ir-regolatur akkuża lil Facebook b'diskriminazzjoni f'26 każ kontra r-Russja minn Ottubru 2020, b'aċċess limitat lil servizzi bħal Russia Today u RIA. Il-ġimgħa l-oħra l-istess regolatur imblokka parzjalment Facebook, filwaqt li qal li din il-midja soċjali qed tikser id-drittijiet u l-libertajiet tar-Russi. 

Nick Clegg minn Meta qal illi dan se jfisser li miljuni ta' Russi se jinqatgħu minn informazzjoni oġġettiva u affidabbli u b'hekk il-Gvern Russu se jkun qed iċaħħad lil ħbieb u familji milli jikkomunikaw, "filwaqt illi qed jagħlaq ħalq in-nies." Huwa wiegħed li Facebook se jagħmel dak kollu possibbli biex jirrestawra s-servizz ta' din il-pjattaforma hekk popolari fir-Russja. 

 

More in Politika