'Nemmen li għandi l-appoġġ biex wara l-elezzjoni nibqa' mmexxi l-PN' - Grech
Mistoqsi dwar is-sondaġġi, Grech jisħaq li l-akbar sondaġġ huwa dak tas-Sibt li ġej u li hu se jibqa' ffukat biex jingħata l-fiduċja u jwettaq il-viżjoni li l-PN għandu għall-pajjiż
minn Yendrick Cioffi
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li wara l-Elezzjoni Ġenerali, ikun xi jkun ir-riżultat tal-elezzjoni, se jibqa’ għas-servizz tal-Partit Nazzjonalista, għax fi kliemu, jemmen li għad fadal x’jagħti lill-PN u li għandu l-appoġġ.
Insista li f’sena u disa’ xhur, il-PN immexxi minnu għamel differenzi u saħansitra kien ippreparat aktar mill-Partit Laburista għal din il-kampanja elettorali.
Fakkar li l-istatut tal-PN jgħid li wara kull Elezzjoni Ġenerali jrid ikun hemm elezzjoni jew konferma tal-Kap. Kien hawn li saħaq li jħoss li għandu jkompli jagħti s-servizz tiegħu u insista li dawn id-deċiżjonijiet isiru skont ir-regoli.
"Fiduċjuż u konvint li t-tmexxija tiegħi tat lill-PN, lit-tesserati u lill-attivisti direzzjoni ċara dwar kif jiena nimxi. Nemmen li għandi l-appoġġ biex wara l-elezzjoni nibqa' mmexxi," saħaq il-Kap Nazzjonalista. "Bħalissa imma aħna ffukati fuq l-elezzjoni li jmiss. Jiena ffukat biex jekk ningħata l-fiduċja tal-poplu, nwettaq il-viżjoni li għandna għall-pajjiż u l-enerġija kollha tiegħi hija indirizzata biss f'dik id-direzzjoni."
Grech wieġeb dawn il-mistoqsijiet waqt l-aħħar konferenza tal-aħbarijiet ta’ din il-kampanja elettorali li l-Kap Nazzjonalista użaha biex jisħaq li l-vot ta’ nhar is-Sibt huwa wieħed importanti għax fi kliemu, il-pajjiż jinsab f’salib it-toroq.
Fil-Barrakka ta’ Fuq, Grech saħaq li l-Maltin se jkunu qed jagħżlu bejn Gvern arroganti u oppressiv jew inkella l-libertà.
Akkuża lill-Prim Ministru li qed jgħid fil-miftuħ li jrid maġġoranza akbar u dan, meta skont Grech, diġà ħatar f’idejh l-istituzzjonijiet.
“Pajjiżna jista’ jagħżel triq oħra. Apparti l-ġid materjali jista’ jkollok il-libertajiet bażiċi tiegħek, fejn ma jidħqux bik għax għandhom 40,000 vantaġġ,” insista Grech waqt li appella għal vot b’saħħtu favur il-Partit Nazzjonalista.
Insista li l-PN għamel żbalji u talab maħfra għalihom għax fi kliemu, jekk il-pajjiż mhux se jħares ‘il quddiem, il-prezz li se jħallas se jkun kbir u jista’ jkun tard wisq.
Mistoqsi dwar is-sondaġġi, il-Kap Nazzjonalista saħaq li dawn jistgħu jkunu indikattivi imma ma jfissirx li qed juru dak li hemm “fil-qlub tan-nies,” għax skontu, in-nies qed jixbgħu bl-arroganza ta’ Robert Abela.
"Lanqas Robert Abela mhu jemmen is-sondaġġi," qal Grech waqt li saħaq li l-Prim Ministru qed jibqa' jbeżża' bil-voti lejn il-Partit Nazzjonalista. Fi kliemu, hemm nies, li meta wieġbu s-sondaġġi ma qalux il-verità għax jibżgħu.
Fi kliemu, jinsab fiduċjuż, li dawn in-nies, meta jkunu waħedhom, se jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista.
“Inwiegħdkom Gvern awtentiku u sensittiv li jagħtik widen. Intik kelmti li dak li qed inwiegħed jiena nwettqu,” saħaq Grech. “L-2022 jista’ jkun bidu ta’ kapitlu ieħor għal pajjiżna. Nibnu fuq it-tajjeb li sar u nsewwu dak li sar ħażin u li wassalna sa fuq il-lista l-gżira. Dan jista’ jagħmlu biss il-PN. Il-vot huwa vot għalik, vot għal Malta u Għawdex, vot għal uliedek.”
Kompla jisħaq li l-PN offra lill-pajjiż viżjoni ċara, anke jekk ir-riżorsi tiegħu huma limitati u ftaħar li għamel dan tlett ijiem biss wara li ssejħet l-Elezzjoni Ġenerali.
“Kburi li mmexxi partit li għal din l-elezzjoni ma ġiex biss b’lista ta’ xewqat imma b’viżjoni ta bidla fil-mentalità u bidla fir-rotta. Ideat mimlija ambizzjoni għal kull ċittadin,” saħaq Grech.
Huwa ta lista sħiħa ta’ proposti li se jkunu qed jolqtu lill-anzjani, lill-edukaturi, lill-istudenti, lill-familji, lin-negozju u li wkoll se jtejbu l-ambjent rurali u urban.
Tisma’ l-konferenza u l-proposti kollha hawn: