1,000 persuna mill-Ukrajna ngħataw il-protezzjoni temporanja f'Malta

76% tal-Ukreni li ngħataw il-protezzjoni f'Malta huma nisa u 4% ta' dawk li waslu Malta għall-kenn kienu tfal mhux ikkumpanjati

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru kif Malta tat protezzjoni temporanja lil 1,000 immigrant mill-Ukrajna minn meta bdiet l-invażjoni Russa f'Marzu li għadda. 76% ta' dawn huma nisa.

Iċ-ċifri li ġew ippubblikati fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tar-Refuġjati juru kif f'Marzu Malta tat il-protezzjoni temporanja lil 191 persuna. F'April dawn żdiedu għal 395 u għal 416-il persuna f'Mejju.

Dan ifisser li minn meta r-Russja bdiet tinvadi lill-Ukrajna, Malta tat il-protezzjoni lil 1,002 persuni.

4% ta' dawk li waslu Malta għall-kenn kienu tfal li ma kinux ikkumpanjati minn adulti

Kienu madwar 10 miljuni dawk l-Ukreni li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom biex ifittxu kenn f'pajjiżi oħra. L-irġiel li jifilħu jiġġieldu ma jistgħux iħallu l-Ukrajna u dan jispjega għaliex ħafna mill-immigranti li ngħataw il-protezzjoni kienu nisa.

Kien fl-4 ta' Marzu meta l-Unjoni Ewropea attivat id-Direttiva għall-Protezzjoni Temporanja anke bil-għan li tgħin lill-Ukeni li bdew ifixxtu kenn.

29% tal-Ukreni li ngħataw il-protezzjoni temporanja għandhom inqas minn 14-il sena. 6% għandhom bejn 14 u 17-il sena, 23% għandhom bejn 18 u 34 sena, 33% għandhom bejn 35 u 64 sena u 9% għandhom aktar minn 65 sena.

More in Politika