Il-Ministru Falzon iħabbar li d-Detox qed jesplora alternattiva għall-methadone
Mas-700 persuna kuljum jieħdu doża tal-methadone, bil-għan li jnaqqsu mid-dipendenza tad-droga eroina
More in Politika
Mas-700 persuna kuljum jieħdu doża tal-methadone, bil-għan li jnaqqsu mid-dipendenza tad-droga eroina
Is-Substance Misuse Outpatients Unit, magħruf aħjar bħala d-Detox, qed jesplora alternattiva għall-mediċina methadone, li sal-lum tingħata lill-persuni li għandhom vizzju tal-eroina.
Mas-700 persuna kuljum jieħdu doża tal-methadone, bil-għan li jnaqqsu mid-dipendenza tad-droga eroina. Il-maġġoranza tal-persuni jmorru b’mod personali kuljum sabiex jingħataw din id-doża, u dan jista’ joħloq stigma u skariġġ sakemm tingħata din il-mistura.
Kien għalhekk illi, wara li sar studju intern, se jibda proġett pilota mifrux fuq numru ta’ xhur sabiex minflok il-methadone tibda tingħata l-pillola buprenorphine, li wkoll għandha l-istess għan li tnaqqas id-dipendenza tad-droga eroina.
Buprenorphine hija forma ta’ pillola, li tista’ tingħata f’ammont ferm ikbar, u ma jkunx hemm għalfejn persuna tmur kuljum għal din il-medikazzjoni. Din il-pillola għandha wkoll inqas side effects u ma ġġorx magħha riskju ta’ overdose.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt żjara li għamel fis-Substance Misuse Outpatients Unit fi Gwardamanġa. Il-Ministru Falzon faħħar il-mod li bih jopera dan il-post, b’tim multi-dixxiplinarju ta’ erba' tobba, tmien nurses, żewġ social workers u spiżjara.
“Nemmen li rridu nkomplu nsaħħu is-servizzi tagħna. Pajjiżna dejjem kien minn ta’ quddiem fejn jidħol it-trattament għad-dipendenzi. Nixtiequ li nsiru ċentru ta’ eċċellenza, biex il-pazjenti jkollhom l-aħjar kura kif verament jixraqilhom. Wara kull vittma hemm familja, u kull każ jixraqlu l-akbar attenzjoni anke jekk jirrikjedi investiment kontinwu,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.