Imniedi proġett pilota ta’ kura paljattiva fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa

Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva nieda proġett pilota ta’ servizz ta’ kura paljattiva fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa, bil-għan li fi ftit żmien jibda jingħata fil-bqija tad-djar tal-anzjani tal-gvern madwar Malta u Għawdex

Il-Ministru Abela
Il-Ministru Abela

Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva nieda proġett pilota ta’ servizz ta’ kura paljattiva fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa, dan bil-għan li fi ftit żmien jibda jingħata fil-bqija tad-djar tal-anzjani tal-gvern madwar Malta u Għawdex.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif ġie spjegat li dan il-proġett pilota se jinkludi kura minn professjonisti rispettivi għal diversi istanzi ta’ mard b’kumplikazzjonijiet terminali bħad-dimensja, il-parkinsoniżmu u puplesiji. Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Ettiene Abela tenna kif din il-kura mhux biss se tingħata lill-pazjenti iżda wkoll lill-qraba tal-persuni in kwistjoni.

Quddiem dan kollu, il-Ministru Abela spjega wkoll kif dan is-servizz se jibda jingħata minn numru ta’ professjonisti differenti. Dawn jinkludu tobba, infermiera, psikjatri u psikoterapisti, ħaddiema soċjali, spiżjara, dietitians, fiżjoterapisti, speech therapists u professjonisti oħra skont dak meħtieġ.

Għal dan il-għan, twaqqaf ukoll kumitat sabiex ifassal sistema ta’ proċeduri dwar il-kura paljattiva u li fost xogħol ieħor ser jara li jiddeskrivi u jelenka r-responsabbiltajiet li kull professjoni għandha lejn it-twassil ta’ kura palljattiva ħolistika.

Il-Ministru Jo Ettiene Abela rringrazzja wkoll lill-ħaddiema taċ-Ċentru tal-Onkologija Sir Anthony Mamo u l-Ministeru għas-Saħħa li b’dedikazzjoni ħarrġu tim ta’ 19-il-professjonist multidixxiplinarju sabiex b’hekk dan is-servizz fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa jingħata b’suċċess. Il-Ministru Abela tenna wkoll li bħalissa hemm 15-il professjonist ieħor qed jirċievi t-taħriġ neċessarju.

Hekk kif awgura li dan is-servizz jilħaq l-għan tiegħu li jkompli jtejjeb is-servizz eżistenti b’risq l-anzjani tagħna, il-Ministru Jo Ettiene Abela rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha fi ħdan l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità li kkordinaw dan il-proġett sabiex illum beda jiġi realizzat.

Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Renzo Degabriele tenna wkoll kif dan is-servizz se jtejjeb ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani f’mumenti ta’ sfidi ta’ saħħa, dan hekk kif permezz ta’ din il-kura paljattiva ta’ livell għoli fid-dar tal-anzjani li jkunu jinsabu fiha, issa se tiġi evitata l-iskumdità li l-anzjani jqattgħu ġranet barra mid-dar, jirċievu l-kura, fi żmien tant delikat f’ħajjithom.

Dan fl-istess waqt li kontinwament qed jiġu wkoll mtejba l-ħiliet tal-professjonisti li jaħdmu fid-djar tal-anzjani permezz ta’ taħriġ kontinwu biex ikun jista’ jingħata dan is-servizz.

 

More in Politika