L-Oppożizzjoni tipproponi sessjoni parlamentari ta' mistoqsijiet lill-Prim Ministru darba kull ġimgħa

Il-PN ippropona wkoll li r-rapporti tal-Ombudsman jiġu mressqa quddiem il-Parlament u jiġu diskussi fil-plenarja 

Il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta' proposti, li jitrattaw il-mod kif jaħdem il-Parlament, fosthom qed jipproponi -  bħala Oppożizzjoni -  li jkun hemm sessjoni apposta darba fil-ġimgħa għal mistoqsijiet lill-Prim Ministru kif ukoll li minflok darba kull tliet xhur il-Parlament jiddiskuti l-aġenda tal-Oppożizzjoni, permezz ta' mozzjoni li ittressaq, darba kull ġimagħtejn. 

L-Oppożizzjoni qed titlob ukoll li l-Gvern jindirizza s-sitwazzjoni msemmija wkoll mill-GRECO u jwaqqaf mingħajr iżjed dewmien Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Ġustizzja, li bħall-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jkollu maġġoranza tal-Gvern iżda jiġi ppresedut minn Membru tal-Oppożizzjoni.

"L-Oppożizzjoni ilha tappella għal bosta snin ukoll biex il-Gvern jipprovdi l-appoġġ meħtieġ ħalli l-Oppożizzjoni tingħata l-assistenza u r-riżorsi xierqa, kemm umani u anke fiżiċi. B’dan il-mod, l-Oppożizzjoni tkun tista’ taqdi dmirha aħjar u tagħti l-kontribut akbar kif mistenni minnha fil-proċessi leġiżlattivi u Parlamentari," tkompli tgħid l-istqarrija ffirmata mill-Viċi Kap tal-PN David Agius u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar. 

Il-PN ippropona wkoll li r-rapporti tal-Ombudsman jiġu mressqa quddiem il-Parlament u jiġu diskussi fil-plenarja għal perjodu ta’ żmien deċiż miż-żewġ naħat tal-Kamra.
 
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li jinfetaħ servizz ta’ childcare għall-Membri Parlamentari, għall-ħaddiema kollha tal-Parlament Malti, u għall-membri tal-Korp stazzjonati mal-binja tal-Parlament.
 

More in Politika