Il-GO u l-EPIC ineħħu t-tariffi żejda tal-€1 sakemm jitlestu l-investigazzjonijiet

Dan qalu l-MEP Alex Agius Saliba li id f’id mal-Ministru għad-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qed jaħdem fuq il-każ

L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba sostna li huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-kumpaniji GO u EPIC ser ikunu qed jeliminaw it-tariffi żejda li bdew jimponu sa mill-bidu ta’ Lulju 2022 fuq konsumaturi li jagħżlu li ma jħallsux il-kontijiet tagħhom permezz tad-direct debit. Dan sakemm titlesta l-investigazzjoni li qed issir mid-Direttur tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Il-kumpanija GO se tkun qiegħda wkoll trodd lura lill-pubbliku ż-żieda li imponiet matul dan l-aħħar xahar.

Fil-kummenti tiegħu, l-MEP Agius Saliba sostna li "l-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita għandha ssegwi dawn l-istess passi, titratta lill-klijenti tagħha b’dinjita’ u tneħħi t-tariffi żejda li qed timponi fuqhom."

“Dan tal-lum huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba sabiex naraw li d-drittijiet tal-konsumaturi tagħna jkunu mħarsa kif inhu xieraq. Se nibqa’ naħdem anke fuq livell Ewropew sabiex nassigura li fl-ebda ħin, u l-ebda kumpanija jew individwu ma jabbużaw minn dawn id-drittijiet għall-vantaġġ tagħhom”, tenna Agius Saliba.

Il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew qal ukoll li se jkun qed ikompli jaħdem id f’id mal-Ministru għad-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fuq dan il-każ sabiex "ħadd ma jkompli jinsteraq."

More in Politika