Il-Partit Nazzjonalista qal li l-pjan Gvern biex jerġa’ jagħmel lil Air Malta finanzjarjament vijabbli, falla.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliem tal-PN għall-Air Malta, Ivan J. Bartolo qal li l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għandu jitkellem ċar u tond, bl-istess onestà li tkellem f’Jannar li għadda u jgħid jekk il-pjan ta’ ristrutturaw għadux vijabbli u jistax jintlaħaq l-għan tiegħu.
F’Jannar li għadda, il-Gvern kien ħabbar li se jnaqqas il-ħaddiema tal-Air Malta bin-nofs permezz ta’ skema volontarja għat-trasferiment tal-ħaddiema. Dan bil-għan li l-Air Malta tiffranka madwar €15-il miljun fis-sena f’pagi.
L-iskema tara li l-ħaddiema li japplikaw jingħataw xogħol bl-istess paga mal-Gvern.
Ilbieraħ ġie żvelat li l-mira li sa nofs Awwissu din l-iskema ta’ trasferiment tkun kompluta ġiet estiża sa nofs Ottubru bil-għan li t-trasferiment f’dan il-perjodu ma jxekkilx l-operat tal-linja tal-ajru.
Ivan J. Bartolo qal li l-Partit Nazzjonalista kien laqa’ dan il-pjan anke għax kien simili għal dak li hu li kien issuġġerixxa fl-2012.
Madanakollu qal li tmien xhur wara li tħabbar, issa huwa ċar li l-Gvern ma identifikax ir-riskji u l-isfidi kollha. Fi kliemu, prinċipji fundamentali fl-immaniġjar ma kinux identifikati.
Insista li minkejja li l-Ministru Caruana kellu intenzjoni tajba, fl-istess ħin ma ħax inkonsiderazzjoni numru ta’ fatturi.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, Ivan Castillo wkoll qal li l-wiegħda tal-Gvern sfat fix-xejn waqt li akkuża lill-Gvern li mhuwiex kredibbli għax ma żammx mal-wiegħda tiegħu.
Staqsa wkoll jekk il-fatt li l-Gvern ma mexix mal-iskeda li ħejja għar-ristrutturar tal-Air Malta hux se tkun qed taffettwa t-talba li hemm pendenti quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex l-Air Malta tkun tista’ tingħata għajnuna diretta mill-istat.