L-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici jinsab f'qagħda kritika iżda stabbli hekk kif ilbieraħ ġie rikoverat fl-isptar Mater Dei.
Sorsi viċin l-eks Prim Ministru li tkellmu ma' diversi siti tal-aħbarijiet qalu li għalkemm l-eks Prim Ministru jinsab f'qagħda kritika, jinsab konxju.
Fil-fatt, membri tal-familja tal-eks Prim Ministru ċċaraw li l-kundizzjoni tiegħu issa hija waħda stabbli.
Mifsud Bonnici, li għandu 89 sena, serva bħala Prim Ministru ta' Malta bejn l-1984 u l-1987, eżatt wara l-Perit Duminku Mintoff.
Erba' snin qabel, jiġifieri fl-1980, kien appuntat Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u kien fl-1982 meta Mintoff kien għażlu bħala s-suċċessur tiegħu biex imexxi l-Partit Laburista u eventwalment ikun Prim Ministru.
Mifsud Bonnici baqa' Mexxej Laburista sal-1992 meta kien reġa' tilef l-elezzjoni ġenerali.
Iżda din ma kinitx l-aħħar kampanja tiegħu hekk kif kien mexxa moviment kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.