Aġġornata | Dun Luke Seguna jinħeles mill-arrest; Jixhdu l-parruċċani li tawh il-flus u bosta jfaħħruh
Diversi parruċċani jixhdu dwar id-donazzjonijiet li taw lil Seguna. Jgħidu li tawh il-flus biex jużahom kif xtaq 'għax jafdawh' u għax kien 'jagħmel ħafna ġid;' Uħud jisħqu li taw il-flus lilu u mhux lill-parroċċa jew lill-Knisja
minn Yendrick Cioffi
Fil-Qorti dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni kontra Dun Luke Seguna, il-Kappillan ta' Marsaxlokk li qed ikun akkużat b'ħasil ta' flus u miżaproprijazzjoni ta' fondi, fost oħrajn.
Seguna qed ikun akkużat li ffroda madwar €500,000 mogħtija lilu minn 150 parruċċan fuq perjodu ta' 10 snin u li l-flus kienu intiżi għall-knisja. Il-qassis qed jiċħad kategorikament l-akkużi u qed jisħaq li l-flus ingħataw lilu personalment.
Fis-seduti li għaddew instema' kif Seguna kellu xejn inqas minn għaxar kontijiet bankarji, apparti kollezzjoni ta' muturi.
Fi tmiem is-seduta tal-lum, il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża biex Dun Seguna jingħata l-ħelsien mill-arrest minkejja li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien kontra għax fadal ħafna nies x'jixhdu.
Il-kundizzjonijiet imposti fuq Dun Luke huma:
- li jgħix mal-ġenituri;
- li ma jmurx Marsaxlokk, ħlief biex jiġbor xi affarijiet personali (u jkun skortat)
- li ma jsifirx mingħajr permess tal-Qorti
- li ma jitkellem ma ħadd mix-xhieda jew donaturi
- li jiffirma l-għassa darbtejn f'ġimgħa
- li jibqa' d-dar bejn id-9:30pm u s-7am.
- li jħallas depożitu ta' €20,000 u garanzija personali ta' €30,000
'Qatt ma tlabtu rċevuta. Ridt ngħinu jagħmel il-ġid'
Tul is-seduta xehdu diversi persuni li taw donazzjonijiet (uħud minnhom kbar) li Dun Luke. Ħafna qalu li taw il-flus għax jafdaw lill-qassis u qatt ma talbuh l-irċevuta jew staqsewh għalxiex kienu ntużaw id-donazzjonijiet tagħhom. Insistew li tawh il-flus biex jagħmel bihom dak li kien hemm bżonn għalih, il-knisja u l-parroċċa.
Fost oħrajn xehed kuntrattur li ta diversi donazzjonijiet lil Seguna.
Hu qal li sar jaf lil Dun Luke u anke l-ġid li jagħmel u ried jgħinu. Qal li tah żewġ donazzjonijiet qabel il-pandemija.
"Ridt ngħinu jagħmel il-ġid fil-parroċċa," qal. "Qatt ma tlabtu rċevuta. Tajtu cheque personali."
Iċ-cheques kienu ta' €1,800 u €1,400, bix-xhud jgħid li qatt ma staqsa lill-Kappillan x'kien se jagħmel bil-flus.
'Kien jagħmel ħafna karità. Tajtu l-flus biex jagħmel bihom dak li xtaq'
Xhud ieħor qal li Dun Luke kien jagħmel ħafna karità, mingħajr ma jdoqq it-trombi, ma' ħafna familji fil-bżonn.
Insista li kien jagħtih id-donazzjonijiet biex jagħmel hu li jrid bihom u qatt ma staqsih għalxiex kien se jużahom.
Parruċċan ieħor qal li ta' spiss kien jitkellem mal-Kappillan fuq dak li kellha bżonn il-knisja. Hu kien tah cheque ta' €2,000 u qal li qallu biex jużahom għall-knisja.
"Tajtu l-flus u daqshekk. Afdajtu," qal.
Flus biex jirranġa t-twieqi tal-knisja
Xehdet ukoll sid ta' ristorant f'Marsaxlokk li hija wkoll parruċċana ta' Dun Luka. Kienet tat lil Dun Luke donazzjoni ta' €1,200 permezz ta' trasferiment bankarju.
Qalet li tagħtu din id-donazzjoni f'isem ħutha wara li semgħu l-Kappillan jgħid li kien hemm bżonn restawr fuq it-twieqi tal-knisja.
Insistiet li ttrasferixxiet il-flus f'kont li qalilha Seguna.
Qalet ukoll li x-xogħlijiet fuq it-twieqi tal-knisja saru u llum dawn jinsabu fi stat tajjeb.
Mistoqsija jekk qattx irċeviet konferma li flus tagħha ntużaw għal dan il-għan, ix-xhud wieġbet fin-negattiv. Madanakollu insistiet li hi kienet sodisfatta li x-xogħlijiet saru u qatt ma kellha l-ebda dubju li flusha ma ntużawx għal dan l-għan.
'Ma nafdax lill-Kurja ... nafda lil Dun Luke'
Wara xehed sajjied li sar jaf lil Dun Luke fi żmien li kien ilu Kappillan Marsaxlokk.
Ikkonferma li kien ta' cheque ta' €300 lil Dun Luke u mistoqsi għalxiex, ix-xhud qal "għall-bżonnijiet tiegħu."
Mistoqsi aktar xi jrid jgħid b'dan, is-sajjied qal li tah il-flus għall-parroċċa u l-komunità u l-bżonnijiet l-oħra ta' Dun Luke.
Huwa ġie muri t-tieni cheque ta' €500 u qal li tah lil Dun Luke għax kien jafdah.
'Ma nafdax lill-Kurja imma lil dan il-bniedem nafdah," saħaq is-sajjied. Mistoqsi jekk ingħatax irċevuta wieġeb li jiftakarx u li ma kellux bżonnha.
'Nafdah 200%'
Aktar parruċċani komplew jixhdu. Wieħed minnhom ikkonferma li ta lil Dun Luke cheque ta' €1,000 għal bżonnijiet tal-parroċċa.
Insista li hu jafda lil Dun Luke '200%.'
Qal li jiftakarx jekk ingħatax irċevuta u li lanqas ma staqsa għalxiex intużat id-donazzjoni tiegħu.
Anzjana oħra li kienet ilha taf lis-saċerdot minn meta kien żgħir, ikkonfermat li tat lil Dun Luke tliet cheques ta' €1,000 kull wieħed.
Insistiet li tat id-donazzjoni lill-knisja u għall-bżonnijiet tal-parroċċa.
Qalet li ma talbitx spjegazzjojni għalxiex intużaw flusha.
'Ma kontx interessata," wieġbet. "Jiena kont kuntenta u komda bil-persuna li tamministra l-parroċċa."
Ateu li ta l-flus lill-Kappillan għax jafdah u jemmen fil-ġid li jagħmel
Xhud ieħor kien il-Kunsillier Laburista ta' Marsaxlokk Daniel Zerafa li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ateu.
Huwa qal li kien ħareġ cheque ta' €600 lil Seguna għalih bħala għajnuna u għax-xogħol li jagħmel għall-parroċċa.
Insista li hu qatt ma talab irċevuta u għadda biex ifaħħar il-ġid li għamel il-Kappillan. Semma kif darba kien għandu d-dar u ħabbat il-bieb, b'Seguna jitolbu jiskużah iżda hu xorta sema dak li kien qed jingħad.
Spjega kif marret mara titolbu l-għajnuna għax ma kellix €20 biex tħallas lezzjonijiet onlajn għal ulieda u hu għena.
Zerafa qal li Seguna fetaħ idejh għall-każijiet soċjali u l-faqar fir-raħal.
"Jiena tajtu l-flus għax kien hu. Kieku kont naf li mqar sold wieħed kien se jmur għall-knisja, kieku ma kont nagħtih xejn," insista.
'Tajt id-donazzjoni lilu u mhux lill-knisja'
Tal-istess fehma kien xhud ieħor ukoll residenti Marsaxlokk.
"Jiena mhux xi wieħed li mmur il-knisja imma meta mmur, biex nisma' l-omeliji ta' Dun Luke."
Permezz ta' Revolut huwa għadda lil Seguna total ta' €500. Insista li dawn kienu għall-bżonnijiet personali tas-saċerdot.
'Jiena tajt il-flus lilu u mhux lill-Knisja. Imma biex inkun onest, meta kont inkun il-knisja kont nisimgħu jispjega kif il-flus kienu qed jintefqu u x'somom kien hemm bżonn għall-manutenzjoni tal-knisja."
'Qatt ma talabni flus. Dejjem jiena tajtu'
Xehdet ukoll mara li ilha ħabiba ta' Dun Luke. Kienu l-iskola flimkien u baqgħu ħbieb. Qalet li kien Dun Luke li żewwiġha, għammed lil binha u mexxa l-funerali tal-familja.
Spjegat kif hi qatt ma marret Marsaxlokk u qatt ma tat id-donazzjonijiet lill-parroċċa. Kompliet tispjega li tat donazzjonijiet lil Dun Luke għalih personali kull meta mar jiċċelebra attivitajiet tal-familja.
B'kollox, fuq perjodu ta' sitt snin, tagħtu €700 dejjem permezz ta' Revolut.
"Qatt ma talabni l-flus," spjegat. "Dejjem tajt donazzjoni jien minn jheddi. Għamel ħafna għalina. Meta nannti kienet agunijia, ċempiltlu u ġie mill-ewwel. Riedet qassis ħdejn is-sodda u hu kien hemm, jitlob għaliha."
Diversi xhieda oħra qalu li taw il-flus lil Dun Luke, permezz ta' Revolut, minħabba l-kariżma tiegħu u x-xogħol li kien qed iwettaq Marsaxlokk. Oħrajn insistew li l-Kappillan ftit li xejn kellu għajnuna u l-piż kollu tal-parroċċa kien fuqu u oħrajn tawh donazzjoni personali meta kien għaddej minn żmien ta' mard.
Awdituri esterni mqabba mill-Kurja qatt ma sabu xejn serju kontra Dun Luke
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross, kien l-ewwel xhud.
Pace Ross ta d-dettalji kollha ta’ kif għandhom jaħdmu l-finanzi tal-parroċċi u anke l-linji gwida li l-kappillani u l-parroċċi għandhom jimxu magħhom fejn jidħlu d-donazzjonijiet. Huwa spjega kif l-entitajiet tal-Knisja, inkluż il-parroċċi, jistgħu jiftħu kont bankarju wara li jkun hemm il-permess meħtieġ. Kwalunkwe donazzjoni ta’ aktar minn €10,000 għandha tkun iddikjarata.
Spjega kif il-kontijiet kollha, anke dawk li għandhom x’jaqsmu mad-donazzjonijiet mogħtija għall-quddies jew inkella waqt it-tberik, għandhom jidħlu fil-kont li jkun fl-isem tal-parroċċa. Huwa qara mir-regolamenti li jgħidu li fondi tal-parroċċa ma għandhomx jitpoġġew f’kontijiet personali anke jekk eventwalment ikunu trasferiti fil-kont tal-parroċċa.
Mistoqsi mill-Avukat Ġenerali jekk is-seminaristi jirċevux taħriġ dwar l-amministrazzjoni finanzjarja, Pace Ross qal li jkun hemm taħdidiet annwali fuq l-importanza tal-kontroll finanzjarju. Qal li kull meta jkun hemm aġġornamenti fir-regolamenti, dawn ikunu kkomunikati lill-kappillani.
Insista li għal kull donazzjoni jew inkella attività ta’ fundraising għandha tingħata l-irċevuta tal-VAT.
Qal ukoll li fl-2015 il-Kurja fetħet skema biex tassisti lis-saċerdoti li jkollhom bżonn loans biex pereżempju jixtru karozza jew proprjetà. Saguna kien ingħata loan fl-2016 biex jixtri karozza u ħallas il-loan kollu u fl-2018 ingħata self ieħor biex jixtri garaxx u dan għadu qed iħallsu.
Pace Ross qal li l-Knisja f’Malta tqabbad ukoll awdituri esterni biex jagħmlu l-kontrolli finanzjarji tagħhom, kull sena, fuq il-parroċċi.
Kien hawn li d-Difiża staqsiet jekk qattx instabu nuqqasijiet fil-konfront ta’ Seguna.
“Le,” wieġeb Pace Ross. “Dejjem ikun hemm xi ħaġa fl-awditjar u jsiru rakkomandazzjonijiet għal titjib. Kien hemm drabi fejn intbagħtu xi imejls lil Dun Luke, jew is-segretarju dwar xi pagamenti li saru u nuqqas ta’ irċevuti.”
Iżda d-Difiża staqsiet jekk qattx instab xi nuqqas serju u kellhom ikunu involuti l-Pulizija. Pace Ross qal biss li jkun hemm laqgħat bilaterali.
“Jekk xi ħadd jagħti lill-qassis €20 u jgħidlu li din għalih, mela allura dik hija tiegħu imma jekk xi ħadd jagħti xi donazzjoni għal xi statwa, pereżempju, dik għandha tkun iddikjarata,” qal.
Il-Qorti ma taqbilx li x-xhieda ssir wara l-bibien magħluqa
Fil-bidu tas-smigħ, id-Difiża talbet li x-xhieda tinstema' wara l-bibien magħluqa. L-Avukat Matthew Xuereb qal li d-Difiża għandha riservi dwar ċertu rapporti fuq il-midja u wħud mix-xhieda qatt ma telgħu l-Qorti u għalhekk, wara l-bibien magħluqa, jkunu jistgħu jixhdu b'aktar libertà.
Kien hawn li d-Difiża tkellmet u wriet it-tħassib tagħha dwar il-fatt li informazzjoni mill-investigazzjoni spiċċat f'idejn il-midja. Tkellem dwar l-impatt li dan il-każ qed ikollu fuq is-saċerdot u kkwota lil Dun Luke Seguna jgħidlu: "ħajti spiċċat."
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma qabilx li x-xhieda jixhdu wara l-bibien magħluqa u minflok qal jekk ikunx jagħmel sens li dawn jixhdu permezz ta' video conferencing. L-Avukat qal li hemm wħud minnhom li għandhom: "biża' reverenzjali,' u jistgħu ma jħossuhomx komdi jixhdu kontra saċerdot li jkun preżenti fl-awla.
Madanakollu d-Difiża ma qablitx ma' dan. "Naf li mhux suppost nikkumparaw, imma lanqas Melvin Theuma qatt ma xehed b'filmat."
Il-Maġistrat ma laqatx dawn it-talbiet. Dan ifisser li x-xhieda se jixhdu quddiem il-membri tal-pubbliku u l-midja u għandhom ikunu preżenti fl-awla.
L-Arċidjoċesi titlob li tkun parti mill-każ
Apparti minn hekk, l-Avukat Stefano Filletti qed jidher f'isem l-Arċidjoċesi li qed titlob li tkun parti minn dan il-każ, anke għax qed ikun allegat li hi sofriet danni mill-azzjonijiet ta' Seguna.
Madanakollu, id-Difiża oġġezzjonat għal din it-talba. L-Avukat Xuereb saħaq li s-sors tal-fondi, allegatament kienu "persuni fiżiċi li jħobbu lil Fr Luke." Insista li hu seta' żamm jew inkella qassam dawn id-donazzjonijiet. Fi kliemu, ħadd minn dawn il-persuni ma ried jagħti mqar ewro lill-Arċisqof. "Fejn tidħol il-knisja?", kompla jistaqsi
L-Avukat Filletti iżda saħaq li għad irid ikun ippruvat li l-flus kienu intiżi għas-saċerdot u mhux għall-Knisja. Il-Maġistrat laqgħet it-talba tal-Arċidjoċesi.
Dan l-artiklu se jkun aġġornat