Karmenu Fino: Impjegat sospiż jgħid li kien ilu jiġbed l-attenzjoni biex l-anzjan jingħata kura aħjar

L-impjegat ressaq protest ġudizzjarju li fih qed jisħaq li l-inkjesta interna li saret kienet superfiċjali

Impjegat f’San Vinċenz de Paule, li ġie sospiż minn xogħlu wara l-għibien tal-pazjent Karmenu Fino, li nstab mejjet ħmistax wara, ressaq protest ġudizzjarju li fih qed jakkuża lill-awtoritajiet li injoraw it-twissijiet tiegħu dwar l-istess pazjent u ddeskriva l-inkjesta interna li saret bħala waħda “superfiċjali.”

Fino, li kellu 83 sena u li kien ibati bid-dimensja tant li lanqas kien jitkellem, kien ħareġ mir-residenza fis-27 ta’ Ġunju. Huwa mexa madwar tmien kilometri, sal-post li fih instab mejjet.

Dan il-każ kien wassal lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela biex jordna inkjesta interna dwar dan il-każ. L-inkjesta sabet li kien hemm nuqqasijiet sinifikanti fost il-ħaddiema li kienu qed jaħdmu matul dak il-lejl u anke t-tim tas-sigurtà li kien xogħol.

Erba’ uffiċjali tas-sigurtà, żewġ cares u infermier kienu ġew sospiżi minn xogħolhom.

L-impjegat ressaq il-protest ġudizzjarju kontra l-Ministru, is-Segretarju Permanenti u l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz. 

L-impjegat insista li l-Kap Eżekuttiv tar-residenza, Josianne Cutajar naqqset milli tiġġustifika l-urġenza għas-sospenzjoni tiegħu. Saħaq li hu ma kellu l-ebda responsabbilità għal dak li ġara u qed jinsisti li għandu evidenza li turi dan.

“L-impjegat kien ilu jgħid lit-tmexxija li Fino ma setax jibqa’ fis-sala fejn kien qed jgħix għax kellu d-dimensja u kellu bżonn kura speċjalizzata,” jgħid il-Protest. 

Insista wkoll li s-sospensjoni qed tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu anke għax l-inkjesta maġisterjali dwar il-każ għadha għaddejja u sakemm ma jinstabx ħati huwa jibqa’ innoċenti.

Insista li l-inkjesta interna li saret kienet “superfiċjali” ħafna. 

Il-protest jgħid ukoll li fl-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku qatt ma wieġbet għal korrispondenza mibgħuta mill-impjegat li “qed isofri preġudizzju finanzjarju kbir u anke preġudizzju psikoloġiku.”

L-impjegat qed jitlob li jidher quddiem il-Kummissjoni u tkun hi li tieħu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha quddiem il-Prim Ministru biex jiddeċiedi hu jekk għandux ikun sospiż jew le.

More in Politika