L-ebda mass meeting mill-PN; Minflok se ssir attività quddiem il-Monument tal-Indipendenza

Għal din l-attività deskritta 'nazzjonali' se jkunu mistiedna l-Korpi Kostitwiti bil-Viċi Kap Nazzjonalista Alex Perici Calascione jgħid li l-PN ried jagħti aktar bażi nazzjonali lil dawn l-attivitajiet

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar il-programm ridott għall-festi tal-Indipendenza li se jkun qiegħed jorganizza din is-sena, bil-Viċi Kap Nazzjonalista, Alex Perici Calascione jisħaq li din is-sena, l-attivitajiet se jkunu aktar fuq bażi nazzjonali.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino kkonferma li din is-sena, il-mass meeting tradizzjonali, li s-soltu jsir fuq il-Fosos tal-Furjana, mhux se jkun qiegħed isir.

Minflok, nhar l-20 ta’ Settembru, il-Partit Nazzjonalista se jorganizza attività kommemorattiva madwar il-Monument tal-Indipendenza fil-Furjana.

Piccinino ddeskriva din l-attività bħala waħda nazzjonali, tant li għaliha se jkunu mistiedna biex jieħdu sehem anke l-korpi kostitwiti. Se jagħlaq din l-attività, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech b’diskors.

It-tema, spjega l-Viċi Kap Nazzjonalista, ukoll għandna tema nazzjonali hekk kif se tkun: “Indipendenza 2022: Il-kwalità tal-ħajja li tixirqilna.”

“L-indipendenza llum tagħraf u trid tkun konxja għal dak li qed jgħix il-poplu Malti llum, għall-aspirazzjonijiet u d-diffikultajiet li għandna ‘l quddiemna,” insista Perici Calascione waqt li saħaq li tul is-snin, il-PN dejjem organizza attivitajiet skont l-esiġenzi u ċ-ċirkostanzi tal-pajjiż.

Propju għalhekk, li fi kliem Perici Calascione, matul iċ-ċelebrazzjonijiet se jsiru diskussjonijiet fuq l-għoli tal-ħajja, is-sigurtà fit-toroq, l-ambjent u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ, fost oħrajn.

L-attivitajiet se jibdew nhar il-Ġimgħa 16 ta' Settembru b'laqgħa mal-attivisti u l-għeruq tal-Partit u l-istess se jsir l-għada.

Nhar it-18 ta’ Settembru se ssir diskussjoni fil-Każin Nazzjonalista tan-Naxxar u anke l-għada fil-każin tas-Siġġiewi.

Id-diskussjonijiet jagħlqu nhar il-25 ta’ Settembru f’Għawdex bid-diskussjoni dakinhar tkun esklussivament dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-gżira Għawdxija.

Nhar il-21 ta’ Settembru se tkun organizzata wkoll mixja u ġirja tal-Indipendenza apparti programm sportiv ieħor organizzat minn Team Sport.

Apparti minn hekk, spjega s-Segretajru Ġenerali, fil-jiem li ġejjin il-PN se jkun qed iniedi sensiela ta’ inizjattivi dwar kif il-pajjiż jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja.

Tul id-diskorsi tagħhom, iż-żewġ kelliema tkellmu dwar l-importanza tal-Indipendenza, li fi kliemhom kienet il-kisba li wasslet għall-kisbiet l-oħra kollha li għamel il-pajjiż wara.

More in Politika