Sinjali mill-mowbajls iwasslu lill-Pulizija għall-arrest tal-akkużat fil-qtil ta' Ħal Qormi

Fil-lejl li fih seħħ il-qtil, inħarġu diversi ċitazzjonijiet mill-kameras tal-veloċità fuq il-vettura tal-akkużat

Espert imqabbad mill-Qorti spjega kif is-sinjali mill-mowbajl waslu lill-investigaturi għall-arrest ta’ Eliott Paul Busuttil li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia.

Il-ġisem bla ħajja ta’ Farrugia kien instab fil-bagoll tal-karozza tal-vittma stess fil-Wied ta’ Ħal Qormi, fil-5 ta’ April.

L-espert li xehed kellu l-inkarigu li jiġbor l-informazzjoni kollha mill-mowbajls, jeżamina filmati ta’ CCTV u anke jistabbilixxi fejn kienu l-istess mowbaljs permezz ta’ dak magħruf bħala triangulation. 

B’kollox ġew eżaminati 36 filmat minn diversi kameras tas-sigurtà mxerrda, foshtom f’Ħ’Attard, il-Marsa u Ħal Qormi.

Apparti minn hekk, ix-xhud spjega kif fil-lejl li fih seħħ il-qtil, inħarġu diversi ċitazzjonijiet mill-kameras tal-veloċità fuq il-vettura tal-akkużat.

L-espert kien preżenti wkoll waqt ir-rejds li saru mill-Pulizija, inkluż fuq ir-residenza tal-akkużat biex ikun żgurat li tkun preservata l-evidenza kollha. Wieħed mill-mowbajls li qajjem l-ewwel suspetti, instab fl-istess residenza.

Xehdu wkoll uffiċjali tal-pulizija li marru fuq il-post u sabu l-ġisem. Qalu lill-Qorti kif innutaw demm li kien qed iċarċar mill-bagoll tal-karozza.

Il-każ se jkompli fl-20 ta’ Settembru, bil-Prosekuzzjoni tispjega li għad fadal ħafna persuni x’jixhdu.

More in Politika