'Esperti forensiċi qed jirrakkomandaw aktar investigazzjonijiet dwar Egrant' - Repubblika
Robert Aquilina ppubblika dawk li hu qed isejħilhom kopja ċċertifikata tal-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-Bank Pilatus

minn Yendrick Cioffi

ll-President tal-organizzazzjoni Repubblika qal li esperti finanzjarji internazzjonali appellaw biex isiru aktar investigazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.
Robert Aquilina qal dan meta kien qiegħed jindirizza protesta kontra l-korruzzjoni li saret fil-Belt Valletta u li matulha ppubblika dawk li hu qed jisħaq li huma l-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta dwar il-Bank Pilatus.
Huwa qal li kien kostrett jikteb b’idejh il-konklużjonijiet eżatti tar-rapport tal-inkjesta għax kieku ppubblika r-rapport innifsu kien se jkun qed jikxef is-sors li għadda lill-organizzazzjoni l-konklużjonijiet tal-inkjesta.
Aquilina spjega li l-konklużjonijiet jgħidu iswed fuq l-abjad li l-kumpaniji Amerikani Duff u Phelps, li jispeċjalizzaw fil-konsulenza finanzjarja u li tqabbdu bħala esperti indipendenti mill-Maġistrat inkwerenti, qed jirrakkomandaw li tintalab aktar informazzjoni biex ikun ikkonfermat jekk l-allegati $1.017 miljun għaddewx verament fil-kumpanija Egrant.



Qal li dawn qed jirrakkomandaw ukoll li jkun hemm aktar mistoqsijiet li jsiru lil Mari Efimova u anke lill-eks impjegata oħra tal-bank, Dina Stankovic.
Apparti minn hekk kwota parti oħra mill-konklużjonijiet li tagħti lista sħiħa ta’ persuni li kienu b’xi mod involuti fit-tmexxija tal-Bank Pilatus u li dwarhom l-inkjesta, allegatament, tisħaq li għandhom jittieħdu passi kriminali.
Fost hawn hemm Maltin u anke s-sid innifsu,Sayed Ali Sadr Hasheminejad.


