Il-moviment tal-passiġġieri fl-Ajruport jaqbeż is-700,000 għall-ewwel darba mill-2019
Dan ifisser irkupru ta’ 86.5% tat-traffiku li kien ġie ġestit fl-istess xahar fl-2019
More in Politika
Dan ifisser irkupru ta’ 86.5% tat-traffiku li kien ġie ġestit fl-istess xahar fl-2019
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li l-moviment tal-passiġġieri fl-ajruport, matul ix-xahar ta’ Awwissu, qabeż is-700,000 għall-ewwel darba mill-2019 ’l hawn.
Fi stqarrija, l-Ajruport spjega kif dan ifisser irkupru ta’ 86.5% tat-traffiku li kien ġie ġestit fl-istess xahar fl-2019.
Dan ir-riżultat ġie rreġistrat flimkien ma’ rkupru ta’ 84.2% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet operati minn u lejn Malta.
Is-seat load factor (SLF), li jkejjel kemm minn dawn il-postijiet kienu mimlijin, laħaq l-ogħla livell ta’ kull żmien ta’ 90.4%.
Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 2.4% meta mqabbel ma’ Awwissu 2019.
L-aktar jum impenjattiv f’termini ta’ movimenti tal-passiġġieri kien il-21 ta’ Awwissu. Wara dan il-jum beda jiġi osservat xi tnaqqis fis-seat load factors, hekk kif ix-xahar li huwa sinonimu mal-btajjel tas-sajf beda joqrob lejn tmiemu bil-mod.
L-aktar swieq popolari matul ix-xahar kienu l-Italja, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja, li flimkien kienu responsabbli għal 67% tat-traffiku kollu ta’ Awwissu.
Minkejja li r-Renju Unit u l-Ġermanja kienu fost l-aqwa ħamest iswieq tax-xahar, in-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw lejn u minn dawn iż-żewġ pajjiżi baqa’ ferm aktar baxx mil-livelli tal-2019.
L-isqarrija tispjega wkoll li jekk wieħed iħares lejn l-aqwa għaxart iswieq għax-xahar turi li l-Italja, Franza, il-Polonja, l-Isvizzera, il-Greċja u l-Awstrija kollha rreġistraw livelli varji ta’ tkabbir fuq l-2019.
Is-suq Grieg kellu l-aktar rata ta’ tkabbir b’saħħitha ta’ 44%, li rriżultat minn skeda ta’ titjiriet operati minn żewġ linji tal-ajru lejn tliet ajruporti Griegi.
Bi tkabbir ta’ 34% fuq l-2019, is-suq Franċiż kellu t-tieni l-aktar żieda notevoli fin-numru ta’ passiġġieri. Ħames linji tal-ajru qed joperaw titjiriet bejn Malta u disa’ ajruporti fi Franza bħala parti mill-iskeda tas-sajf tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.