L-Armier privatizzat: Skiet mill-Ministeru ta' Silvio Schembri u l-Lands
Minkejja li b'konċessjonijiet separati it-tliet lidos u bajjiet tal-Armier (art pubblika) ingħataw mill-Gvern lil negozjant wieħed, mistoqsijiet tal-ILLUM dwar kif ingħatat il-konċessjoni, kemm swiet, għaliex intgħażlet persuna waħda, kif intgħażlet u l-kundizzjonijiet tal-konċessjoni - ma tweġbux, la mill-Ministeru u lanqas mil-Lands!

minn Yendrick Cioffi

Kemm il-Ministeru responsabbli mill-Artijiet u anke l-Awtorità tal-Artijiet naqqsu milli jwieġbu mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar il-bajjiet pubbliċi tal-Armier u jekk hux minnu li dawn spiċċaw f’idejn l-investitur u l-organizzatur ta’ attivitajiet ta’ divertiment Dominic Micallef Jr.
Il-gazzetta ILLUM irċeviet informazzjoni li t-tliet lidos li wieħed isib fil-bajjiet tal-Armier ingħataw b’konċessjoni li Micallef iżda dwar dan, l-awtoritajiet qed iżommu silenzju assolut, minkejja li din il-gazzetta ilha li bagħtet mistoqsijiet ġimagħtejn.
L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ Micallef u staqsietu direttament jekk hu ingħatax b’konċessjoni dawn il-lidos li jinkludu parti sostanzjali mill-bajjiet tal-Armier.
“Iva jien qed noperahom,” wieġeb fil-qasir Micallef meta mistoqsi mill-ILLUM. Mistoqsi jekk għandu il-permessi kollha, inkluż mill-Awtorità tal-Artijiet huwa qal biss: “Iva. Kollox skont il-liġi.”
Sa ftit tax-xhur ilu, fuq is-sit ta’ Signature Entertainment Group, kumpanija ta’ Micallef (liema sit bħalissa ma jaħdimx), kien hemm imniżżel ċar u tond li l-grupp jinsab fil-proċess li jakkwista konċessjoni għat-tliet lidos fl-Armier.
Madanakollu ftit li xejn ingħataw dettalji. Kien imniżżel biss li l-grupp għandu pjan ta’ ħames snin għal “żvilupp mill-ġdid.” Fost oħrajn isemmi l-Baia beach club li se jkun qed jerġa’ jiftaħ taħt l-isem “tal-marka globali Buddha-bar beach” fl-2022.

Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM bagħtet sett ta’ mistoqsijiet tistaqsi x’inhuma l-prinċipji wara din il-konċessjoni. Il-Ministeru responsabbli mill-artijiet mill-ewwel farfar ir-responsabbilità u qalilna biex nibagħtu l-mistoqsijiet lill-Awtorità tal-Artijiet, minkejja li l-istess awtorità taqa’ taħt ir-responsabbilità diretta tiegħu.
Kelliem għall-Awtorità tal-Artijiet ikkonferma li l-mistoqsijiet waslu nhar il-5 ta’ Settembru 2022 u li kienu se jwieġbu. Madanakollu, sakemm morna għall-pubblikazzjoni, l-ILLUM kienet għadha mingħajr tweġiba, minkejja diversi imejls li bagħtet biex tfakkar fl-istess mistoqsijiet.
L-ILLUM talbet lill-Awtorità tikkonferma: 1) jekk dawn it-tliet lidos ingħatawx b’ċens lil Micallef u kif intagħżel hu2) Għal kemm żmien ingħatat din il-konċessjoni? 3) Kemm qed iħallas Micallef biex jopera din l-art pubblika. 4) Lid-dettalji kollha tat-termini u l-kundizzjonijiet, ġaladarba din l-art hija pubblika.
Ta’ min isemmi li fuq il-profil tiegħu fuq Twitter, Dominic Micallef jiddeskrivi lilu nnifsu bħala d-Direttur tal-Bajja tal-Armier, fost oħrajn.

L-istess investitur li ħalla ħerba f’Marsamxett
Micallef huwa wkoll l-investitur li ħalla ħerba f’Marsamxett. Kienet din l-istess gazzetta li ħmistax ilu rrapportat kif Micallef daħal għal investiment kbir biex isir xogħol ta’ ristrutturar u tisbiħ fil-pitch tal-waterpolo tal-Belt Valletta. Apparti faċilitajiet għall-klabb tal-waterpolo tal-Belt, dan il-pitch kellu jinbidel f’lido, anke għax l-istess klabb ħares lejn il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.
Kelliem għall-kumpanija G&B Borg insista li x-xogħlijiet kellhom jieqfu hekk kif Micallef għandu mijiet ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet lura u għalhekk kien impossibbli li l-kuntrattur jibqa’ jaħdem mingħajr ma jitħallas. Hu mifhum li dan il-ħlas b’lura jammonta għal viċin il-miljun ewro.
F’kummenti mal-ILLUM, Micallef kien ikkonferma li għandu ħlasijiet b’lura iżda insista li ma għandux problemi ta’ fondi u li x-xogħlijiet se jkomplu.
Min hu Micallef?
Micallef huwa magħruf ħafna fl-industrija tad-divertiment f’Malta u anke bħala organizzatur ta’ attivitajiet. Huwa kien is-sid ta’ Tattingers Club u huwa d-direttur tal-Kumpless Aria f’San Ġwann.
Huwa sħab ukoll ma’ marki globali bħal Unite for Tomorrowland u anke Buddha-bar.
L-istess Micallef kien fiċ-ċentru ta’ dak li baqa’ magħruf bħala l-Iskandlu tal-Mistra li spiċċa fil-qalba tal-kampanja elettorali tal-2008.
Micallef kien issemma’ bħala l-persuna li kera art fil-Mistra mingħand Jeffrey Pullicino Orlando (dak iż-żmien Deputat tal-Partit Nazzjonalista) u li ried ibiddilha fi stabbiliment tad-divertiment.
Micallef u l-kumpanija tiegħu Signature Entertainment Group kienu wkoll wara l-proposta kontroversjali għall-bini tat-Tattingers Hotel fl-inħawi tas-Saqqaja fir-Rabat.
Minkejja li l-permess kien ħareġ, din il-ġimgħa l-istess permess kien irrevokat mit-tribunal tal-appelli hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar kienet tat il-permess mingħajr ma saru l-istudji ġeoloġiċi neċessarji.
It-tribunal talab lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tipprepara rapport ġdid tal-uffiċjal tal-każ u li jieħu inkonsiderazzjoni l-istudji l-ġodda dwar l-impatt ġeoloġiku wara dan l-iżvilupp.
NOTA: Ir-ritratt ippubblikat oriġinarjament u li juri t-Tortuga Beach kien ippubblikat bi żvista u bl-ebda mod ma għandu rabta mal-każ imsemmi hawn fuq

