Il-Ministru responsabbli mill-artijiet reġa’ farfar ir-responsabbilità hekk kif il-gazzetta ILLUM għadha qed tistenna tweġiba dwar il-bajjiet pubbliċi tal-Armier u kif dawn spiċċaw f’idejn l-investitur u l-organizzatur ta’ attivitajiet ta’ divertiment Dominic Micallef Jr.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-ILLUM żvelat kif it-tliet lidos li wieħed isib fil-bajjiet tal-Armier ingħataw b’konċessjoni li Micallef iżda dwar dan, l-awtoritajiet qed iżommu silenzju assolut.
Kelliem għall-Awtorità tal-Artijiet ikkonferma li l-mistoqsijiet waslu nhar il-5 ta’ Settembru 2022 u li kienu se jwieġbu. Madanakollu l-ILLUM baqgħet mingħajr tweġiba, minkejja diversi imejls li bagħtet biex tfakkar fl-istess mistoqsijiet. Il-Ministru mill-ewwel farfar ir-responsabbilità u qalilna biex nibagħtu l-mistoqsijiet lill-Awtorità tal-Artijiet.
Wara li ppubblikat l-artiklu, il-gazzetta ILLUM reġa’ bagħtet il-mistoqsijiet anke din il-ġimgħa, kemm lill-Ministeru u anke lill-Awtorità tal-Artijiet.
L-Awtorità għażlet li tibqa’ siekta u l-Ministeru reġa’ wieġeb li “l-Lands Authority hija awtorità indipendenti għaldaqstant talli informazzjoni tista’ tingħata biss min-naħa tagħhom.” Dan minkejja li l-Ministeru huwa responsabbli għall-istess awtorità.
L-ILLUM talbet lill-Awtorità tikkonferma: 1) jekk dawn it-tliet lidos ingħatawx b’ċens lil Micallef u kif intagħżel hu. 2) Għal kemm żmien ingħatat din il-konċessjoni. 3) Kemm qed iħallas Micallef biex jopera din l-art pubblika. 4) Id-dettalji kollha tat-termini u l-kundizzjonijiet, ġaladarba din l-art hija pubblika.
L-ILLUM kienet għamlet kuntatt ma’ Micallef u staqsietu direttament jekk hu ingħatax b’konċessjoni dawn il-lidos li jinkludu parti sostanzjali mill-bajjiet tal-Armier. Huwa kien ikkonferma.
Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM reġgħet għamlet kuntatt biex l-istess mistoqsijiet tagħmilhom lilu. Micallef talabna nibgħatu l-mistoqsijiet b’imejl. Sakemm morna għall-pubblikazzjoni konna għadna mingħajr tweġiba.
Sa ftit tax-xhur ilu, fuq is-sit ta’ Signature Entertainment Group, kumpanija ta’ Micallef (liema sit bħalissa ma jaħdimx), kien hemm imniżżel ċar u tond li l-grupp jinsab fil-proċess li jakkwista konċessjoni għat-tliet lidos fl-Armier.
Madanakollu ftit li xejn ingħataw dettalji. Kien imniżżel biss li l-grupp għandu pjan ta’ ħames snin għal “żvilupp mill-ġdid.” Fost oħrajn isemmi l-Baia beach club li se jkun qed jerġa’ jiftaħ taħt l-isem “tal-marka globali Buddha-bar beach” fl-2022.
Micallef huwa wkoll l-investitur li ħalla ħerba f’Marsamxett. Kienet din l-istess gazzetta li tliet ġimgħat ilurrapportat kif Micallef daħal għal investiment kbir biex isir xogħol ta’ ristrutturar u tisbiħ fil-pitch tal-waterpolo tal-Belt Valletta. Apparti faċilitajiet għall-klabb tal-waterpolo tal-Belt, dan il-pitch kellu jinbidel f’lido, anke għax l-istess klabb ħares lejn il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu.
Madanakollu, ix-xogħol ġie sospiż ħesrem u talla nofs leħja wara li Micallef għandu mijiet ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet lura lill-kuntrattur li qabbad.