Graffitti joġġezzjonaw għall-applikazzjoni biex tkun estiża l-marina tal-Kalkara
Applikazzjoni minn Transport Malta trid li żżid il-faċilitajiet tal-irmiġġ għal 334 post
More in Politika
Applikazzjoni minn Transport Malta trid li żżid il-faċilitajiet tal-irmiġġ għal 334 post
Moviment Graffitti qed topponi applikazzjoni biex jiżdiedu l-faċilitajiet tal-irmiġġ fil-marina tal-Kalkara. L-applikazzjoni qed tipproponi ż-żieda ta’ 305 postijiet għall-irmiġġ biex b’kollox ikun hemm 334 post.
L-applikazzjoni qed issir minn Transprt Malta u sa issa diġà tressqu 17-il oġġezzjoni, inkluż min-Nature Trust Malta.
Fuq Facebook, Moviment Graffitti wissa li l-applikazzjoni se tkun qed tnaqqar b’mod drastiku l-aċċess tal-pubbliku għall-kosta u dan, meta fi kliem l-attivisti, l-ispazju miftuħ f'Malta diġà hwa wieħed limitat.
Wissiet ukoll li l-applikazzjoni se tfisser aktar tniġġis fil-port, fost oħrajn.
Fakkret li dwar dan il-proġett ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika, lanqas mar-residenti.
Fi stqarrija, Graffitti kkwotaw li s-Supretendenza għall-Wirt Kulturali li qalet ċar u tond li l-applikazzjoni hija dwar sit prominenti fil-Port il-Kbir u qrib bini storika. Fil-fatt, is-Supretendenza qed titlob aktar informazzjoni.
Min-naħa tagħha, l-Ambjent u r-Riżorsi ma taħsibx li se jkun hemm impatt ambjentali kbir iżda saħqet li hemm bżonn aktar studji dwar qiegħ il-baħar.
Id-deċiżjoni mistennija tittieħed nhar id-9 ta’ Diċembru.
Ta' min ifakkar fil-pressjoni kbira li kienet saret meta kien hemm propost marina f'Wied il-Għajn, liema proġett twaqqa' biss ftit ġimgħat qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Kemm għaqdiet u anke r-residenti kienu qamu kontra dan il-proġett.