Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, se tkun qed tindirizza l-vġili li se tfakkar lil Daphne Caruana Galizia fil-ħames anniversarju mill-assassinju tagħha.
Din se tkun l-ewwel attività tal-massa li Metsola se tkun qed tindirizza f'Malta minn meta saret President tal-Parlament Ewropew.
Il-vġili se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-Belt Valletta.
Apparti Metsola, il-vġili se tkun indirizzata wkoll minn Maria Falcone, oħt l-Imħallef Giovanni Falcone li kien inqatel fl-Italja mill-mafja.
Dakinhar filgħodu, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi quddiesa għal ruħ Daphne fil-knisja tal-Bidnija u fit-3pm, il-ħin li fih inqatlet Daphne, se ssir ċelebrazzjoni u minuta silenzju fuq il-post li fih ġiet assassinata.
Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tippubblika edizzjoni speċjali b'għadd ta' artikli u intervisti dwar dan l-assassinju li heżżeż pajjiż.