Abela jgħid li n-negozji f'Malta qed jieħdu l-akbar sussidji fl-Ewropa għall-enerġija

Il-Prim Ministru jisħaq li f'pajjiżi oħra n-negozji qed jispiċċaw bla provvista tal-elettriku minħabba l-kriżi tal-enerġija iżda f'Malta n-negozji qed jibqgħu jaħdmu mingħajr xkiel filwaqt li jingħataw l-għajnuna

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (Chamber of SMEs) il-Prim Ministru Robert Abela qal kif filwaqt li pajjiżi Ewropej oħra, in-negozji qed jiġu mwaqqfa milli jkomplu jaħdmu billi tinqatalhom il-provvista tal-elettriku minħabba kriżi fil-qasam tal-enerġija, Malta kisbet derogi biex l-intrapriżi jibqgħu jaħdmu mingħajr xkiel.

Apparti minn hekk insista li n-negozji f'Malta qed jingħataw ukoll l-akbar sussidji fl-Ewropa fil-qasam tal-enerġija.

Tul il-laqgħa, Abela qal li l-Gvern qed jagħmel dan għaliex jemmen li wara li tgħaddi l-kriżi tal-enerġija, in-negozji se jkunu f’qagħda li jieħdu l-opportunitajiet ta’ rkupru.

“Quddiem kriżi internazzjonali, l-azjendi żgħar u medji sabu l-appoġġ u wrew li jistgħu jkunu dinamiċi ħafna u jibdlu l-isfidi f’opportunitajiet”, qal il-Prim Ministru waqt li saħaq li hemm bżonn li l-pajjiż ikompli jiddiversifika l-ekonomija fejn l-intrapriżi żgħar u medji jibqgħu l-mutur ta’ tkabbir ekonomiku.

Filwaqt li ġew ippreżentati numru ta’ proposti, iċ-Chamber of SMEs wasslet messaġġ favur is-sostenibbiltà fis-settur tax-xogħol.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Silvio Schembri, Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Chris Agius.

More in Politika