L-aħwa Degiorgio jibqgħu jinsistu li l-ġuri kontrihom għandu jkun pospost

L-aħwa Degiorgio appellaw mid-deċiżjoni tal-Imħallef Audrey Demicoli li aktar kmieni din il-ġimgħa ċaħdet it-talba tagħhom biex il-ġuri jkun pospost. Huma qed jisħqu li l-avukati l-ġodda tagħhom ma kellhomx biżżejjed żmien biex jippreparaw għad-difiża

George Degiorgio u Alfred Degiorgio appellaw id-deċiżjoni tal-Qorti, mogħtija ftit tal-jiem ilu, li ċaħdet it-talba tagħhom biex il-ġuri kontrihom ikun pospost.

Iż-żewġ akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jridu lill-Qorti Kostituzzjonali tordna biex il-ġuri tagħhom ikun pospost għax qed jinsistu li l-avukati tagħhom ma kellhomx biżżejjed żmien biex jippreparaw għad-difiża.

Kienet l-Imħallef Audrey Demicoli li aktar kmieni din il-ġimgħa ċaħdet it-talba li għamlu iż-żewġt aħwa. L-avukat Joseph Bonnici, li qed jidher għall-akkużati, appella mid-deċiżjoni.

Insista li din id-deċiżjoni tikser id-dritt fundamentali tal-akkużati li jkollhom smigħ xieraq.

Fil-fatt, l-aħwa qed jinsistu li ma kellhomx biżżejjed żmien biex isibu avukat tal-għażla tagħhom biex jassistihom tant li kien assenjat lilhom avukat mill-Istat.

Huma spiċċaw bla avukat wara li William Cuschieri, xaharejn ilu, għażel li ma jkomplix jiddefendihom.

L-akkużati qed jisħqu wkoll li d-dritt tagħhom li jkollhom smigħ xieraq jista’ jkun kompromess mill-fatt li l-ġurati potenzjali kienu esposti għal diversi artikli u pubbliċità dwar dan il-każ għal ħames snin sħaħ.

Meta kienu qed jixhdu fil-proċeduri, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, l-Avukati Simon Micallef Stafrace u Martin Farrugia qalu li għandhom bżonn ftit taż-żmien mhux ħażin biex isiru familjari mal-għadd kbir ta’ evidenza f’dan il-każ.

L-Avukat Joseph Bonnici qiegħed jirrappreżenta lill-aħwa fil-proċeduri Kostituzzjonali.

L-Avukati Carina Camilleri Testa u Maurizio Cordina qed jidhru għall-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat, rispettivament.

Therese Comodini Cachia, Jason Azzopardi u Eve Borg Costanzi qed jihdru għall-familja Caruana Galizia.

More in Politika