Illum il-Gvern se jkun qed iħabbar il-Baġit għas-sena 2023, Baġit li qed ikun meqjus bħala wieħed importanti minħabba diversi sfidi u taqlib internazzjonali, ikkawżati fost oħrajn minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna.
L-inflazzjoni issa bdiet tagħfas u għalhekk x'aktarx li l-prijorità tal-Baġit se tkun li jindirizza din il-kwistjoni biex il-piż jinħass inqas.
Propju għalhekk li t-tema magħżula għall-Baġit ta' din is-sena hija: 'Malta: Ċertezza u Stabbilità.'
Fil-fatt, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, kif qal diversi drabi l-Ministru Clyde Caruana mistennija tkun dik ta' bejn id-€9 u l-€10 fil-ġimgħa, anke jekk l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem kienet wissiet li din se tkompli żżid l-inflazzjoni u mhux tnaqqasha.
Il-Ministru Caruana mistenni jħabbar ukoll mekkaniżmu ġdid li permezz tiegħu madwar 37,000 familja li jaqilgħu l-inqas, mistennija jibbenefikaw minn għajnuna addizzjonali. Dan il-mekkaniżmu se jkun qed jaħdem b'mod indipendenti mill-mekkaniżmu tal-COLA u għalhekk qed jissejjaħ addizzjonali.
Id-dettalji dwar kif se jaħdem dan il-mekkaniżmu u min se jkun qed jibbenefika minnu, mistennija jingħataw illum,.
Apparti minn hekk wieħed jistenna li l-Baġit jagħti indikazzjoni ċara ta' dak li se jkun qed jiġri bil-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, li bħalissa għaddejja minn pjan ta' ristrutturar. Minkejja dan, dwar is-sitwazzjoni tagħha għad hemm ħafna mistoqsijiet.
X'se jiġri llum?
1.15pm: Il-Ministru Caruana jagħti spjegazzjoni lilll-midja u lill-ġurnalisti ta' dak li l-Baġit se jkun qiegħed iħabbar.
4:45pm: Il-Ministru Caruana jmur il-Palazz ta' San Anton biex jippreżenta kopja tad-diskors tal-Baġit lill-President ta' Malta
6:00pm: Il-Ministru Caruana u l-Ispeaker jaslu l-Parlament biex tibda minnufih is-seduta Parlamentari bil-Mistoqsijiet Parlamentari
6:30pm: Il-Ministru Caruana jibda d-diskors tal-Baġit għas-sena 2023.
Kif għamel dejjem, is-sit illum.com.mt se jkun qiegħed jagħtikom id-dettalji ta' dak kollu li se jkun qiegħed għaddej permezz ta' artikli separati dwar dawk il-miżuri li l-aktar se jolqtu lilek.