Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-Dikjarazzjoni tal-Assi tiegħu, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari għas-sena 2021 qabel ma llejla, il-Ministru tal-Finanzi jibda jaqra l-Budget għas-sena d-dieħla.
Fi stqarrija, il-PN qal li Robert Abela ilu kważi seba' xhur "jaħbi" d-Dikjarazzjonijiet tal-Assi tiegħu, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari għas-sena 2021.
Fakkar li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ġodda li nħatru wara l-aħħar elezzjoni ġenerali kellhom sa mhux aktar tard minn xaharejn mill-ħatra tagħhom biex jippreżentaw id-Dikjarazzjoni tal-Assi tagħhom għas-sena 2021.
"Robert Abela ma jridx li ċ-ċittadini u l-ġurnalisti jkunu jafu xi dħul kellhom hu, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari matul is-sena 2021. Bl-aġir tiegħu, Robert Abela qed iċaħħad liċ-ċittadini u lill-ġurnalisti Maltin u Għawdxin minn għodda essenzjali li biha jikxfu l-abbuż ta’ poter u ġid li ma jistax jiġi spjegat u jiġġieldu kontra t-tixħim u forom oħra ta’ korruzzjoni, in-nepotiżmu, il-kunflitti ta’ interess u l-ksib ta’ xi vantaġġ mhux dovut," qal il-Partit Nazzjonalista.
L-istqarrija tfakkar li fl-aħħar rapport tiegħu dwar Malta, il-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (il-GRECO) enfasizza u rrakkomanda li l-Gvern Malti għandu jiżgura li d-Dikjarazzjonijiet tal-Assi tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari għandhom ikunu aċċessibbli pubblikament online u b’mod faċli u sistematiku. Il-GRECO rrakkomanda wkoll li d-Dikjarazzjonijiet tal-Assi għandhom jibdew isiru wkoll minn persuni li jokkupaw karigi eżekuttivi għoljin u mill-persons of trust li jaħdmu mal-Ministri.
"Robert Abela qed jagħżel li jwarrab dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO u, bħal Joseph Muscat, qed ikompli bil-governanza ħażina u bil-kultura ta’ ħabi u impunità, filwaqt li qed imexxi gvern mifni bi skandlu wieħed wara l-ieħor," temmet tgħid l-istqarrija.